Il-Partit Nazzjonalista għandu jerġa’ jkun l-għażla naturali tal-Għawdxin.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppozizzjoni Simon Busuttil, waqt laqgħa li kellu fis-Sannat mal-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex.
Fid-diskors tiegħu Simon Busuttil spjega l-funzjoni importanti ta’ dan il-Kumitat ġdid, li ddeskrivieh bħala esperiment li qed naqilbuh għar-realta’. Hu qal li permezz ta’ dan il-kumitat, imwaqqaf bil-bidliet riċenti fl-istatut, il-Partit Nazzjonalista mhux qed iħares lejn Għawdex sempliċiment bħala distrett, bħal kwalunkwe distrett ieħor, iżda qed iħares lejh bħala reġjun, fil-veru sens tal-kelma.
Filfatt, il-Kumitat Reġjonali t’Għawdex se jkun qed jaħdem id f’id mal-14-il kumitat sezzjonali tal-partit li hemm fil-gżira Għawdxija, bl-għan li l-Partit Nazzjonalista jaħdem bis-sħiħ b’risq l-Għawdxin u jkun tassew qrib il-poplu.
Simon Busuttil qal li din l-istess idea kienet ukoll issemmiet fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista għal elezzjoni ġenerali li għaddiet, sinjal tal-importanza li l-Partit Nazzjonalista jagħti lil gżira Għawdxija, li appella lil membri kollha biex jaħdmu bis-sħiħ biex flimkien negħlbu l-isfidi kbar li l-partit għandu quddiemu.
Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said li fi kliemu qal li dan il-Kumitat se jkun qed jaħdem fuq pjan ċar ta’ ħidma. Hu fakkar fl-elezzjonijiet għall-membri fi ħdan il-kumitat, eletti bil-vot ta’ 300 tesserat Għawdxi, u ta l-awguri tiegħu lil President, Joe Chircop, u l-membri ġodda kollha li ġew eletti.
Said ħabbar ukoll li se jkun hemm ukoll persuna li taħdem fuq bażi part-time apposta fi ħdan il-Kumitat, biex dan ikun jista’ jilħaq l-għanijiet li nħoloq apposta għalihom.
Intant fid-diskors t’għeluq tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li x-xogħol fuq dan il-kumitat reġjonali ġdid jimxi id f’id ma’ bidliet oħra, fosthom fl-istruttura tal-Partit, ir-riforma fil-midja u t-twettiq ta’ pjan biex jindirizza l-isfida finanzjarja.
//= $special ?>