Lokali

Simon Busuttil jiltaqgħa mal-membri kollha tal-Kumitati Sezzjonali tal-PN f’Malta

Il-Ġimgħa filgħaxija l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil indirizza laqgħa mal-membri tal-Kumitati Sezzjonali kollha tal-Partit Nazzjonalista f’Malta. Laqgħa li matulha il-Kap tal-Oppozizzjoni ta’ merħba lill-bosta membri ġodda fi ħdan il-Kumitati Sezzjonali.

Simon Busuttil tkellem dwar r-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fejn filwaqt li saħaq li l-Partit Nazzjonalista kien laħaq il-mira li jikseb għall-ewwel darba f’għaxar is-snin it-tielet siġġu issa kien jeħtieġ li jiffaċja l-sfida li ppreżenta r-riżultat f’termini ta’ voti.

Simon Busuttil tkellem dwar l-importanza li l-partit ikompli jaġġorna ruħu u jżomm ruħu miftuħ għal ideat ġodda.

Saħaq fuq il-ħtieġa li l-partit ikompli bi stil ġdid ta’ politika u semma fost oħrajn id-deċiżjoni riċenti li ħa l-partit li jieqaf jagħmel d-djalogu ta’ nhar ta’ Ħadd u d-deċiżjoni tal-partit li jċaqlaq iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipdenza sabiex b’hekk din il-festa bħala pajjiż niċċelebrawa bħala pajjiż wieħed.

Il-Kap tal-Oppozizzjoni tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ qabża ta’ kwalita’ fil-media tal-partit, xi ħaġa, li Simon Busuttil saħaq, ħidma dwarha diġa’ bdiet.

Il-laqgħa, li għaliha kien hemm attendenza numeruza, kienet indirizzata wkoll mill-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Beppe Fenech Adami u mis-Segretarju Generali Chris Said.