Lokali

500 żagħżugħ Malti bi proġett ta’ volontarjat madwar id-dinja

Din is-sena ‘l fuq minn 500 żagħżugħ minn 27 organizzazzjoni differenti se jkunu qed iwettqu proġetti ta’ volontarjat f’iktar minn 30 belt madwar id-dinja, mifruxa f’erba’ kontinenti.

Iż-żgħażagħ li se jkunu qed jagħmlu esperjenza ta’ volontarjat matul is-sajf ingħaqdu fl-attivita’ ‘Volunteer Send-Off’ mtellgħa mill-organizzazzjoni Youths4Mission bil-koordinazzjoni tal-Kummissjoni Djocesana Żgħażagħ. Dan l-avveniment annwali jġib lill-voluntiera flimkien mal-Isqof li jagħti barka speċjali fuqhom u fuq il-missjonijiet tagħhom.

Matul din l-edizzjoni tal-Mandat tal-Voluntiera ż-żgħażagħ qasmu l-aspettattivi, il-mistoqsijiet u l-emozzjonijiet taghhom permezz ta’ attivitajiet differenti.

Fid-diskors tiegħu matul din l-attivita l-Isqof Awziljarju Charles Scicluna qal li l-volontarjat mhuwiex biss pellegrinaġġ lejn art barranija u kultura differenti iżda anke vjaġġ tar-ruħ fejn wieħed jiskopri l-ferħ spiritwali veru.

Filwaqt li rringrazzja li dawk kollha li se jmorru volontarjat, l-Isqof qal li għandna napprezzaw lil dawk li jafu jgħixu bi ftit,bil-kontra tal-materjalisti li qatt ma jkunu kuntenti. Huwa appella liż-żgħażagħ biex jitgħallmu, jiċċelebraw u anke jieħdu pacenzja waqt iż-żjara tagħhom.

Waqt l-attivita tkellmu wkoll żgħażagħ li diġa għamlu xogħol volontarju li kollha spjegaw kif fil-volontarjat setgħu jagħtu lura ftit mill-ħafna li reċevew f’ħajjithom.

Il-voluntiera se jerggħu jiltaqgħu flimkien fis-26 ta’ Settembru meta jkunu temmew l-esperjenza tal-volontarjat taghhom.