Lokali

“L-ekonomija Maltija tinsab f’riskju”

Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern mhix sejra tajjeb u tista’ tasal f’punt fejn ma tkunx sostennibli. Dan kien kliem id-deputat Nazzjonalista u kelliem għal Finanzi Tonio Fenech, f’kollegament fuq Radio101 ilbieraħ filghodu waqt il-programm Focus101.

Filfatt, l-istatistika ppublikata nhar il-Ġimgħa turi kif l-iżbilanc tal-Gvern kompla jiżdied, hekk kif sa Mejju kien diġa’ tela’ għal kważi 240 miljun ewro, żieda ta’ 48 miljun ewro jew 25 fil-mija fuq il-191 miljun ewro żbilanċ li kien hemm bejn Jannar u Mejju 2013.

Hu qal li l-istatistika ppublikata mill-NSO iktar kmieni din il-ġimgħa turi biċ-ċar li minkejja dak kollu li wiegħed il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni, ir-rotta ekonomika ta’ pajjiżna mhix sejra tajba. Tonio Fenech qal li wieħed jistenna li f’dawn l-ewwel ħames xhur tas-sena, id-defiċit jonqos u mhux jiżdied, filwaqt li rabat din in-nefqa mas-salarji u l-pagi li qed jingħataw lin-numru dejjem jikber ta’ persuni mpjegati mal-Gvern.

Dan, spjega Tonio Fenech, fid-dawl ta’ sitwazzjonijiet inkwetanti f’setturi li għandhom bżonn il-fondi, bħall-edukazzjoni u s-saħħa, bil-problema tal-mediċini out-of-stock tibqa’ tippersisti.

Fl-analiżi tiegħu, Tonio Fenech esprima wkoll tħassib dwar id-dħul tal-Gvern fejn qal li d-dħul imwiegħed mill-proġett tal-powerstation u mill-privatizzazjoni tal-Enemalta għadu ma wasalx.

Filfatt, fi kliem Tonio Fenech, l-Enemalta hija fil-qofol tal-problemi ekonomiċi tal-pajjiż u l-mod kif il-Gvern qed iraħħas il-kontijiet tad-dawl bħalissa mhu xejn sostennibli. Minħabba li l-pajjiż ma jiflaħx ghar-roħs tad-dawl, l-Enemalta mhux qed tagħti flus lil Gvern u minflok qed tagħmel telf ta’ sitt miljun ewro fix-xahar, spjega Tonio Fenech. Dan ikompli jżid il-piż fuq id-dejn tal-gvern.

Id-deputat Nazzjonalista qal li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, bid-defiċit ikompli jogħla, l-UE se jkollha tieħu passi kontra pajjiżna. Din is-sitwazzjoni turi kif il-pjan tal-Gvern għall-ekonomija s’issa għadu ma nbediex, minkejja l-wegħdiet kollha li għamel, temm jgħid Tonio Fenech.