Lokali

L-Imnarja tagħti ħajja lill-Buskett

Kuluri, mużika u spettaklu, l-Imnarja ta’ din is-sena fil-Ġonna tal-Buskett għal darb’oħra fakkret lil ħafna fil-memorji lura fis-snin meta din il-festa kienet tant popolari u mistennija f’pajjiżna.

Dalgħodu żar l-Imnarja wkoll il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li kien akkumpanjat mill-kelliem għall-Agrikultura u s-Sajd Ċensu Galea u uffiċjali oħra tal-Partit Nazzjonalista. Huma ntlaqgħu mis-Segretarju Parlamentari għall-Agrikultura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Roderick Galdes, u numru ta’ organizzaturi tal-Imnarja.

F’kummenti lil dan il-ġurnal, Simon Busuttil spjega li din iż-żjara tixhed kemm il-Partit Nazzjonalista jemmen fl-importanza tal-agrikultura.

“Din hi festa sabiħa li b’mod partikolari tiċċelebra l-agrikultura Maltija u t-tradizzjonijiet Maltin. L-agrikultura Maltija nagħmlu żball jekk naħsbu li m’għadiex importanti. Hi importanti ferm bħalma huma importanti l-bdiewa u r-raħħala,” saħaq Simon Busuttil.

Simon Busuttil kompla li l-laqgħat li hu u d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għamlet mal-bdiewa u r-raħħala fil-Buskett għenuh jifhem iktar il-bżonnijiet u d-diffikultajiet li huma jiffaċċjaw fil-ħidma tagħhom u għalhekk din iż-żjara se sservi wkoll biex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jfassal il-politika tiegħu speċifikament fuq ir-realtajiet ta’ llum.