Sport

Marquez jagħmilhom tmienja minn tmienja

B’wirja mill-aqwa, ċ-Champion tal-Honda Marc Marquez rebaħ il-Grand Prix tal-Olanda li sar fiċ-ċirkwit ta’ Assen.

Kienet it-tmien rebħa minn daqstant tiġrijiet dan l-istaġun għas-sewwieq Spanjol li issa għandu vantaġġ ta’ 72 punt fuq l-eqreb rivali tiegħu Valentino Rossi f’dik li hi klassifika tas-sewwieqa. Is-sewwieq Taljan temm fil-ħames post.

It-tellieqa bdiet tard minħabba li l-art kienet għadha imxarrba u mill-pole position beda s-sewwieq tal-NGM Forward Racing Aleix Espargaro li ma kienx kapaċi jiddefendi l-vantaġġ li beda bih u temm fir-raba’ post.

Marquez, li għandu 21 sena kien beda mit-tieni post imma ssupera lis-sewwieq tad-Ducati Andrea Dovizioso bi 11-il dawra mit-tmiem biex rebaħ b’distakk ta’ 6.74 sek. F’mument minnhom Marquez kien erba’ sekondi wara Dovizioso minħabba li tilef il-kontroll fuq art imxarrba.

Andrea Dovizioso u Dani Pedrosa spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

B’dan is-suċċess, Marquez sar l-ewwel sewwieq sa minn żmien it-Taljan Giacomo Agostini fl-1971, li rebaħ l-ewwel tmien tiġrijiet tal-istaġun.

Aktar qabel, ħu Marquez iż-żgħir, Alex, rebaħ it-tieni tiġrija konsekuttiva tiegħu fil-Moto3 biex naqqas id-distakk minn ma’ sieħbu tal-Honda Jack Miller għal seba’ punti biss f’ras il-klassifika.

Kif spiċċaw: Marc Marquez, Andrea Dovizioso, Dani Pedrosa, Aleix Esaprgaro, Valentino Rossi, Andrea Iannone, Alvaro Bautista, Bradley Smith, Cal Crutchlow, Stefan Bradl