Tifel ta 14-il sena llbieraħ idaħħal l-isptar Mater Dei wara li weġġa’ serjament waqt li kien qed jilgħab bis-sufarelli waqt il-festa tas-Siġġiewi.
Mill-informazzjoni li għandu maltarightnow.com jidher li għall-ħabta tal-21.45 it-tifel kien qed jilgħab bis-sufarelli fi Triq Dun Ġużepp Aquilina fis-Siġġiewi meta s-sufarelli tpoġġew fi flixkun tal-ħġieġ u wara splodew.
It-tifel weġġa’ gravi f’għajnejh, iżda mhux fil-periklu tal-mewt.
Iktar tard il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi esprimi solidarjetà u awgura fejqan ta’ malajr lil tifel mis-Siġġiewi li weġġa’ f’inċident li seħħ ilbieraħ is-Sibt filgħaxija, lejliet il-Festa ta’ San Nikola.
Fi stqarrija l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi appella lill-awtoritajiet sabiex jinvestigaw il-każ filwaqt li ħeġġeġ lil kull min għandu informazzjoni dwar kif seħħ il-każ sabiex jikkoopera b’mod sħiħ mal-Pulizija.
Aktar kmieni llum wara nofsinhar is-Sindku tas-Siġġiewi, Dr Karol Aquilina, ikkomunika mal-familjari tat-tifel u esprima s-solidarjetà tiegħu magħhom u offra l-għajnuna tal-Kunsill Lokali f’dan il-mument diffiċli għalihom.
Filwaqt li fuq Facebook il-President tal-Kazin tal-Banda San Nikola fis-Siġġiewi talab lill-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit, biex il-pulizija jaraw li ma jsirx bejgħ ta’ ‘bombi sofor’ lit-tfal.
Il-bejgħ ta’ dawn il-bombi hu llegali f’pajjiżna. Hu indika li dawn il-bombi, u mhux suffarelli kienu l-kaġun tal-bieraħ.
Madan kollu, meta kkuntattjati minn dan is-sit, il-pulizija qalu li fir-rapport tniżżlet il-kelma ‘suffarelli’.