Il-Prim Ministru Joseph Muscat ftaħar li l-konklużjonijiet tas-summit li sar matul din il-ġimgħa fi Brussell għamel passi kbar ‘il quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mal-immigrazzjoni irregolari.
Madankollu il-konkluzjonijiet ta’ dan is-summit juru mod ieħor u filfatt fl-ebda ħin ma jitkellem dwar il-burden sharing. Tenna’ dan il-kap tal-Oppozizzjoni Simon Busuttil f’kummenti lil dan is-sit.
Il-Prim Ministru qal li għall-ewwel darba l-Kunsill Ewropew tkellem dwar il-burden sharing. Filfatt jekk wieħed iħares lejn id-dokument isir li m’hemm l-ebda riferenza għall-frazi burden sharing imma hemm riferenza għall-qsim ġust tar-responsabbilta’ bejn kulħadd li hi riferenza ilha ssir għal dawn l-aħħar għaxar snin.
Filfatt sorsi minn Brussell li tkellmu ma’ The Malta Independent qalu li l-kliem responsibility sharing fl-aħħar għaxar snin tniżżlu fil-konkluzjonijiet tas-summits tal-Unjoni Ewropea għal mill-inqas sitt darbiet fl-aħħar għaxar snin.
Il-konkluzjonijiet tas-summit ma jagħmlu l-ebda riferenza lanqas dwar proposta tal-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi, li sabet l-appoġġ ta’ pajjiżna, biex Mare Nostrum, progett ta’ operazzjonijiet umanitarji immexxi mill-italja, jgħaddu f’idejn il-Frontex.
Fid-dawl ta’ dan, Simon Busuttil staqsa x’kiseb il-Prim Ministru Muscat.
Jien ma nistax nifhem x’ġab ġdid il-Prim Ministru u nittama li meta jiġi l-Parlament ikun jista’ jispjega l-pożizzjoni tiegħu.
Simon Busuttil qal li jekk il-PM konvint f’dak li qal, allura hu ma jafx x’kien jingħad fis-summits tal-UE għal dawn l-aħħar 10 snin.
Dwar din il-kwistjoni tkellmet ukoll Marlene Farrugia li fuq facebook qalet li l-Prim Ministru kien immatur jekk ipprova jġiegħel lil min jemmen li pajjiżna kiseb xi ħaġa meta filfatt ma’ kiseb xejn.
//= $special ?>