Internazzjonali

Bejn Sqallija u l-Afrika ta’ Fuq, 30 katavru ta’ immigranti rregolari abbord dgħajsa bi kważi 600 immigrant ieħor

L-ibħra bejn Sqallija u l-Afrika ta’ Fuq reġgħu raw traġedja oħra ta’ immigranti. Dan hekk kif fis-sigħat li għaddew, il-Marina Militare Taljana sabet madwar 30 katavru ta’ immigranti abbord lanċa tas-sajd, li fuqha kien hemm kważi 600 immigrant irregolari ieħor.

L-immigranti mejta nstabu meta membri tal-qawwa Navali Taljana telgħu fuq il-lanċa biex jassistu u jevakwaw ammont mill-immigranti li kienu abbord minħabba li kellhom diffikultajiet. Fost dawn kien hemm żewġ nisa tqal. Id-dgħajsa bl-immigranti, li ġiet lokalizzata matul il-lejl, ġiet irmunkata u qed tiddaħħal fil-Port ta’ Pozzallo, fejn fl-aħħar sigħat iddaħħlet ukoll dgħajsa oħra bi kważi 400 immigrant irregolari.

Skont l-awtoritajiet Taljani, din is-sena diġà ddaħħlu aktar minn 60,000 immigrant fin-naħa ta’ isfel tal-Italja, bl-indikazzjonijiet huma li tul dan is-Sajf se jinqabeż ir-rekord ta’ 63,000 tal-2011.