Ċifri li għadhom kemm ħarġu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li bejn Jannar u Mejju, l-iżbilanċ tal-Gvern żdied b’50 miljun ewro. Dan seħħ għax żdiedet b’mod qawwi n-nefqa rikorrenti li l-Gvern jagħmel ta’ kull sena u mhux għax kien hemm xi nefqa ta’ darba, anzi n-nefqa kapitali fil-fatt naqset.
Fil-budget il-Gvern kien qal li tul dis-sena se jnaqqas l-iżbilanċ b’40 miljun
Biex naraw l-istampa kollha f’din iż-żieda sostanzjali fl-iżbilanċ tal-Gvern, irridu l-ewwel nett inqisu li l-Gvern suppost li din is-sena qed inaqqas l-iżbilanċ b’40 miljun ewro, għallinqas hekk qal fil-budget u hekk wiegħed anke lill-Unjoni Ewropea.
Aktar pagi u nefqiet tal-Gvern li żdiedu b’114-il miljun ewro f’ħames xhur
Bil-maqlub ta’ li qal fil-budget, iċ-ċifri ppubblikati mill-Gvern stess juru li l-iżbilanċ tiegħu fl-ewwel ħames xhur żdied daqstant għax in-nefqiet rikorrenti tiegħu – nefqiet li jridu jibqgħu jitħallsu fis-snin li ġejjin – żdiedu b’114-il miljun f’ħames xhur.
20 miljun ewro aktar fuq pagi għall-1,500 ruħ li l-Gvern żied jaħdmu miegħu
Fost dawn in-nefqiet rikorrenti hemm 20 miljun ewro aktar f’ħames xhur fuq pagi meta nafu li l-Gvern żied in-nies jaħdmu miegħu fl-aħħar sena b’1,500. Ma’ dawn, hemm żieda ta’ 10 miljun ewro oħra fuq nefqiet operattivi bħal telephones u karozzi.
30 miljun ewro aktar f’sussidji lill-korporazzjonijiet tal-Gvern
Parti miż-żieda ta’ 114-il miljun ewro aktar fin-nefqa rikorrenti tal-Gvern fl-ewwel ħames xhur tas-sena hemm ukoll żieda ta’ 30 miljun ewro oħra f’sussidji lil korporazzjonijiet tal-Gvern – sussidji li suppost qed jonqsu mhux jiżdiedu.
Id-dejn tal-Gvern jiżdied b’220 miljun ewro fl-aħħar tnax-il-xahar
Skont l-istess ċifri, minħabba dawn in-nefqiet iżjed, id-dejn tal-Gvern fl-aħħar sena żdied b’220 miljun ewro; Gvern li tant ħambaq fuq id-dejn mill-oppożizzjoni, imma li f’sena waħda żied id-dejn – li hu piż fuqna lkoll – b’220 miljun ewro.
Is-sitwazzjoni ħażina tal-finanzi tal-Gvern diskussa fl-MCESD
Is-sitwazzjoni ħażina tal-finanzi tal-Gvern diġà qanqlet lill-Ministru tal-Finanzi biex fl-MCESD qal lill-unions u lill-għaqdiet tan-negozju li jrid inaqqas l-iżbilanċ billi jnaqqas in-nefqiet fuq l-oqsma tas-saħħa u tas-servizzi soċjali.
Il-Ministru tal-Finanzi jaf kif għandu jibda – bl-eżempju
Edward Scicluna messu jaf minn fejn għandu jibda: mill-kabinett rekord li għandu madwaru li f’ħames snin se jkun sewa 100 miljun ewro aktar, apparti l-ħlasijiet lussużi li qed jaħtfu tal-qalba f’impjiegi u kuntratti mal-gvern.
Issa jrid jagħmel id-doppju tal-avvanz li wiegħed f’nofs iż-żmien
Dawn huma r-raġunijiet – kif joħroġ ċar mill-istess ċifri tal-Gvern – li wasslu biex il-Gvern flok qed javvanza b’40 miljun tul din is-sena, fl-ewwel ħames xhur mar lura 50 miljun, u issa, flok 40 miljun f’sena, irid javvanza 90 miljun f’seba’ xhur.