Sport

Franza jagħmluha wkoll b’rebħa sofferta

FRANZA………………….2
NIĠERJA…………………0

Franza: Lloris, Debuchy, Evra, Koscielny, Varane, Cabaye, Valbuena (Sissoko 90′), Benzema, Matuidi, Pogba, Giroud (Griezmann 62′)

Niġerja: Enyeama, Ambrose, Yobo, Oshaniwa, Omeruo, Onazi (Gabriel 59′), Mikel, Musa, Odemwingie, Moses (Nwofor 89′), Emenike

Imwissija: Matuidi (F)

Skurjaw: Pogba 79′, Yobo 91′ (awto-gowl) (F)

Referee: Mark W. Geiger (USA)

Franza għelbu lin-Niġerja 2-0 u aċċertaw post fil-kwarti tal-finali. Kienet rebħa meritata imma sofferta fejn wara taqsima bilanċjata l-Franċiżi ma waqfux jattakkaw u li kieku ma kienux is-saves tal-gowlkiper Niġerjan Enyeama, l-iskor kien ikun ferm akbar.

Franza kellhomsitt bidliet minn kontra l-Ekwador bil-midfielder Yohan Cabaye jirritorna minn sospensjoni. Plejer ieħor li reġa’ kiseb postu wara d-draw kontra l-Ekwador kien Mathieu Valbuena. Għan-Niġerja irritorna l-winger ta’ Chelsea Victor Moses li ħa post Michel Babatunde.

L-ewwel taqsima kienet bilanċjata fejn iż-żewġ timijiet kellhom ċansijiet ta’ skor. Wara 16-il minuta kienu Franza li kellhom l-ewwel ċans meta Benzema iddeċieda li jqassam lil Giroud minflok lil Valbuena li kien f’pożizzjoni aħjar u l-plejer ta’ Arsenal ixxuttja għoli. Fl-20 minuta ċ-Champions Afrikani ħasbu li marru fil-vantaġġ meta Emenike antiċipa difensur u tefa’ fix-xibka imma l-gowl tħassar għal offside.

Fit-23 minuta l-Franċiżi mċaħħda minn gowl ċert b’save mill-aqwa ta’ Enyeama fuq Pogba. L-aħħar ċans tal-ewwel taqsima kien ta’ Giroud li kellu daqqa ta’ ras dgħajfa.

Fit-tieni taqsima Franza kienu ferm aħjar imma l-gowlkiper Enyeama spikka fuq kulħadd. Fis-67 ċans għan-Niġerja b’Lloris isalva fuq Odemwingie. Kien l-aħħar ċans tal-Afrikani fil-partita għaliex minn hawn Franza fetħu assedju.

Ħames minuti wara Benzema ferm viċin meta ikkombina ma’ Griezmann u l-ewwel xutt tiegħu kien salvat temporanjament minn Enyeama u r-rebound tiegħu kienet ikklerjata minn fuq il-linja minn Moses. Sitt minuti wara kien Mikel li ikklerja tentattiv ta’ Benzema minn fuq il-linja u mill-istess azzjoni Cabaye fajjar xutt li stampa mal-mimduda.

10 minuti mit-tmiem Franza reġgħu perikolużi meta minn free kick Valbuena sab lil Benzema li ra t-tentattiv tiegħu salvat minn Enyeama.

Wara dawn iċ-ċansijiet kollha wasal il-gowl ta’ Franza, skurjat minn POGBA li approfitta minn żball ta’ Enyeama li kellu ħarġa kemmxejn ħażina u bir-ras poġġa l-ballun f’xibka vojta. Fil-ħin miżjud Franza issiġillaw ir-rebħa meta Valbuena xeħet cross fil-baxx f’nofs il-kaxxa u Enyeama ħareġ ħażin u l-ballun ħabat ma’ sieq Yobo u spiċċa fix-xibka tiegħu stess.

Franza għandhom reputazzjoni tajba fil-fażi tan-knock-out għaliex waslu almenu sas-semi-finali fl-aħħar ħames okkażjonijiet li rnexxielhom jissuperaw l-ewwel fażi fit-Tazza tad-Dinja.