Lokali

Imut il-ġurnalist veteran Anton Cassar

Miet il-ġurnalist veteran Anton Cassar, fl-età ta’ 90 sena. Imwieled il-Marsa fi Frar 1924, Cassar beda l-karriera ġurnalistika tiegħu ma’ “Il-Berqa” bejn l-1946 u l-1960. Wara, beda l-karriera tiegħu mal-GWU, fejn bħala ġurnalist mal-media tal-Union serva bħala l-ewwel Editur ta’ L-Orizzont. Wara, fl-1963, inħatar Kap tal-Pubblikazzjonijiet tal-Union Press u Segretarju Amministrattiv tal-istess kumpanija. Hu baqa’ f’din il-kariga sal-1988.

Anton Cassar ingħata l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika fl-1993 u l-Gold Award għall-Ġurnaliżmu sitt snin wara bħala rikonoxximent għall-ħidma tiegħu fil-qasam ġurnalistiku. Cassar kien attiv ukoll fil-qasam kulturali u soċjali, fosthom bħala fundatur tal-Banda Trinità Qaddisa tal-Marsa, li tagħha serva bħala President mill-1957. Kien ukoll awtur ta’ diversi kotba, bl-aħħar pubblikazzjoni li ħareġ kienet l-awto-bijografija tiegħu.

Il-Gvern, fi stqarrija, ddeskriva lil Anton Cassar bħala pijunier fil-qasam tal-ġurnaliżmu u l-letteratura. Il-Gvern qal li l-kontribut ta’ Anton Cassar se jibqa’ jħalli impatt fuq ġenerazzjonijiet oħra matul is-sin twal li ġejjin.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista, li Cassar kien attiv fih, bagħat il-kondoljanzi lill-familja tiegħu u sellem il-memorja tiegħu. L-istqarrija tkompli li fuq kollox, Anton Cassar jibqa’ mfakkar bħala persuna li permezz tal-kitba tiegħu pprova jbiddel il-mod kif taħseb is-soċjetà Maltija biex ma tibqax soċjetà ankrata mal-passat iżda tevolvi.

Min-naħa tagħha, il-GWU ddeskrivietu bħala pijunier tal-ġurnaliżmu fi ħdanha, li ħadem bla heda biex leħen il-Union mhux biss jasal għand il-ħaddiema iżda wkoll għand il-pubbliku b’mod ġenerali. Il-Union esprimiet sogħba għall-mewt ta’ Cassar.

Anke l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) sellem lil Anton Cassar bħala eks membru tiegħu għal snin twal. L-IĠM ukoll bagħat il-kondoljanzi tiegħu lill-familja ta’ Cassar.

Anton Cassar se jingħta l-Aħħar Tislima l-Erbgħa waranofsinhar.