Il-festa tradizzjonali organizzata fil-Buskett għall-Imnarja ta’ din is-sena kienet suċċess, bil-pubbliku kkonkorra għall-jumejn ta’ attivitajiet li kienu mtella’ lejlet din il-festa u f’jum il-festa ta’ San Pietru u San Pawl.
Fost id-diversi attivitajiet li ġew organizzati fil-Buskett, kien hemm dawk li tellgħet il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti li din is-sena wkoll ħadet sehem f’din il-festa tradizzjonali Maltija li kienet ikbar mis-soltu u kienet mifruxa fuq jumejn.
Bħalma sar f’edizzjonijiet fil-passat, il-Kummissjoni Relazzjonijiet Pubbliċi u Edukattivi, taħt l-awspiċi tal-Federazzjoni, ippromwoviet inizjattivi biex ħajret lin-nies jitimgħu lill-għasafar ħielsa u biex jitħawlu u jieħdu ħsieb is-siġar indiġeni Maltin, partikolarment is-siġra nazzjonali Maltija, is-Siġra tal-Għargħar.
Fil-Buskett, l-FKNK tellghet ukoll wirja tal-klieb biex iċċelebrat il-Kelb Malti tal-Kacca u l-Kelb tal-Fenek. Waqt din l-okkażjoni, inbeda l-proċess biex, għall-ewwel darba r-razza indigena tal-Kelb Malti tal-Kaċċa tkun rikonoxxuta internazzjonalment. Għal dan l-iskop, ittieħdu kampjuni ġenetiċi u tad-DNA ta’ dawn il-klieb biex ikunu evalwati.
Barra minn hekk, membri tal-Federazzjoni ħadu sehem f’esebizzjoni tal-falkuni li jużaw biex iżommu ħajja t-tradizzjoni antika Maltija tal-falkunerija. Bħal snin oħra, intelqu numru ta’ ġamiem, li kienu mrobbija mid-dilettanti Maltin, bhala ġest ta’ konservazzjoni.
Matul il-jum tal-Ħadd, fil-Buskett saru numru ta’ kompetizzjonijiet differenti, fosthom dawk ghall-isbaħ bhejjem.
Il-wirja tradizzjonali tal-ħaxix u l-frott taħt it-tinda tal-Buskett ġibdet l-attenzjoni tan-nies fejn kienet apprezzata d-dedikazzjoni tal-bdiewa fit-tkabbir tal-prodotti agrikoli tagħhom.
Ma naqsux l-ikel tradizzjonali Malti u l-ħlewwiet kif ukoll spettaklu, kant u divertiment, fejn iddomina l-leħen tal-għannejja b’għana spirtu pront ma’ taqta’ xejn li nisslet tbissima fuq fomm dawk preżenti.
//= $special ?>