Il-Union tal-Għalliema (MUT) u dik tal-Lecturers tal-Università u l-Junior College (UMASA) rreġistraw tilwima industrijali mal-Gvern u mal-Università ta’ Malta wara li ma ntlaħaqx qbil dwar ftehim ġdid għal-Lecturers u l-Għalliema fiż-żewġ entitajiet edukattivi. It-tilwima industrijali tħabbret fi stqarrija maħruġa b’mod konġunt mill-MUT u l-UMASA, li akkużaw lill-Gvern li qed ikaxkar saqajh biex jasal għal qbil dwar Ftehim Kollettiv ġdid.
Wara talba li saret mill-Gvern, iż-żewġ unions ippreżentaw proposti dwar il-pakkett finanzjarju għal dan il-Ftehim Kollettiv fit-23 ta’ April li għadda. Madankollu, huma baqgħu ma rċevew l-ebda rispons dwar il-proposti, minkejja li issa diġà għaddew xahrejn. Dan wassal biex ma kien hemm ebda żblokk fin-negozjati dwar dan il-ftehim kollettiv bejn il-unions u l-Gvern.
Fl-istqarrija, l-MUT u l-UMASA nfurmaw lill-membri tagħhom biex ikunu fuq alert għall-azzjonijiet industrijali li se jħabbrulhom u li għandhom jidħlu fis-seħħ mill-Erbgha li ġej jekk jibqgħu ma jirċievux kontro-proposti mill-Gvern sal-Erbgħa stess fit-8am.
“L-edukazzjoni tal-istudenti mhix arma biex wiehed jinnegozja biha” – il-KSU
Fi stqarrija, il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) sejjaħ għal azzjoni effettiva u mmedjata b’tali mod li ma jiġux affetwati l-istudenti. L-edukazzjoni tal-istudenti mhix arma biex wieħed jinnegozja biha, tenna l-KSU, li sostna li żgur m’għandhiex tintuża’ għal hekk.
Il-KSU qal li filwaqt li jifhem li hu mportanti li l-Lecturers ikollhom l-għodda u l-għajnuna finanzjarja li għandhom bżonn għax-xogħol tagħhom, m’għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni għad-detriment tal-istudenti.
Il-KSU qal ukoll li jaqbel li l-pakketti finanzjarji tal-Lecturers jissaħħu biex fl-aħħar mill-aħħar jiġu attirati lejn l-Università ta’ Malta l-aqwa akkademiċi.
//= $special ?>