L-Ombudsman, il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino, ressaq Replika għall-Kontro-Protest Ġudizzjarju li ressaq fl-20 ta’ Ġunju l-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia, b’risposta għall-Protest li kien ressaq oriġinarjament l-Ombudsman kontra Mallia ġimgħa qabel. Il-kwistjoni hi dwar l-ilmenti mressqa quddiem l-Ombudsman minn Uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta li nqabżu minn Uffiċjali oħrajn b’ferm anqas esperjenza, seniority u kwalifiki fl-eżerċizzju ta’ promozzjonijiet fl-Armata u min għandu l-ġurisdizzjoni li jinvestigahom.
L-Ombudsman qed isostni li għandu kull dritt u obbligu li jinvestiga l-ilmenti skont il-Liġi li waqqfet l-Uffiċċju tal-Ombudsman. Spjega li l-ġurisdizzjoni tiegħu biex jikkunsidra l-ilmenti min-naħa tal-Uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta kienet diskussa u kkonfermata fl-2008 waqt taħditiet li kienu jinvolvu lill-President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, l-Ombudsman, l-Avukat Ġenerali u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Madankollu, meta talab lill-Ministeru tal-Intern biex jipprovdi d-dokumenti relatati mal-eżerċizzju tal-promozzjonijiet, dan irrifjuta li jgħaddi d-dokumenti għax qed jinsisti li l-Ombudsman m’għandux ġurisdizzjoni jinvestiga dawn l-ilmenti. Fir-Replika, li tressqet fil-Qorti dalghodu mhux biss kontra Manwel Mallia iżda wkoll kontra s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru Kevin Mahoney, l-Ombudsman Parlamentari jgħid li fil-Kontro-Protest tiegħu l-Ministeru rrepeta argumenti li diġà gew definiti fil-Protest Ġudizzjarju inizjali.
Għaldaqstant, tgħid ir-Replika, hi biss il-Qorti li tista’ tiddetermina l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni għax l-interpretazzjoni tal-Liġijiet hi l-funzjoni tal-Qrati. L-Ombudman qal li hu dejjem lest jiltaqa’ mal-Gvern f’tentattiv biex tinstab soluzzjoni, iżda l-punt tat-tluq għandu jibqa’ li d-dritt tal-Uffiċjali li jirrikorru fl-Uffiċċju tal-Ombudsman għandu jkun salvagwardjat. L-Ombudsman kompla li hu m’għandu l-ebda dubju li qed jaġixxi b’mod korrett u skont il-Liġi, kif ukoll li m’għandu l-ebda problema jissottometti ruħu għad-deċiżjoni tal-Qorti. Madankollu, oġġezzjona b’qawwa għall-allegazzjonijiet inġusti li saru kontrieh u dwar l-investigazzjoni tiegħu.
L-Ombudsman qal li ma jistax jifhem għaliex il-Ministeru qed jibqa’ jinsisti fuq interpretazzjoni tal-Liġi li tista’ twassal biex l-Uffiċjali tal-Armata jiġu mċaħħda mill-jedd tagħhom li jirrikorru għandu.
//= $special ?>