Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista hi attiva b’inizjattivi f’ħidma parlamentari attiva – Mario de Marco

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista hi waħda attiva li, filwaqt li qed taqdi d-dmir tagħha li ssemma’ leħinha meta l-Gvern ikun qed jiżbalja, qed tieħu wkoll inizjattivi b’ħidma parlamentari attiva. Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco f’kumment lil MaltaRightNow.com. Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni għandha tħares lejn l-interess nazzjonali u qed tkun pro-attiva f’dan is-sens.

Min-naħa tiegħu, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius qal li dan hu xogħol ta’ Oppożizzjoni pożittiva u li fejn kien hemm bżonn wasslet biex il-Gvern ibiddel xi Liġijiet. L-Oppożizzjoni u d-Deputati tagħha ressqu 16-il Mozzjoni Privata mill-bidu tal-Leġiżlatura. Fost dawn kien hemm emendi għall-Kostituzzjoni, fosthom biex tingħata protezzjoni mill-Kostituzzjoni kontra diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u Mozzjoni oħra kontra kull diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabbiltà.

Mozzjoni oħra kienet biex id-drittijiet diġitali jkunu nklużi fil-Kostituzzjoni. Mozzjoni oħra li tressqet mill-Oppożizzjoni kienet dwar it-twaqqif ta’ Kumitat Parlamentari ġdid dwar is-Saħħa. Minbarra l-Mozzjonijiet Privati li tressqu, fattur ieħor li juri Oppożizzjoni kostruttiva hi li l-Oppożizzjoni qablet ma’ 85% tal-Liġijiet u kontra żewġ Liġijiet: il-Liġi li Deputati jista’ jkollhom karigi eżekuttivi f’aġenziji u korporazzjonijiet tal-Gvern u l-Liġi dwar il-bejgħ taċ-Ċittadinanza.

Mario de Marco fakkar kif wara dan is-Sajf, il-Parlament se jiċċaqlaq għall-bini l-ġdid fid-daħla tal-Belt. Għall-ewwel darba mit-twaqqif tiegħu, il-Parlament se jkollu binja dedikata għalih waħdu. Hu qal li għandha tittieħed din l-okkażjoni biex issir riforma fil-ħidma tal-Parlament, b’mod partikolari fl-awtonomija.