Raġel ta’ 40 sena minn Ħal Balzan li suppost kellu jkun id-dar sat-8.30 p.m. fuq ordni tal-Qorti, u li iżda inqabad jiekol ġelat f’gabbana 15-il metru biss mir-residenza tiegħu tliet siegħa wara, spiċċa mmultat €700. Dan wara li kiser kundizzjoni tal-libertà kkundizzjonata imposta fuqu mill-Qorti.
F’Mejju li għadda, Piere Cremona kien ġie mixli fil-Qorti li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina u kien involut fil-ħasil ta’ flus.
Huwa ngħata l-“bail”, b’waħda mill-kundizzjonijiet tkun li għandu jidħol fit-8.30 p.m.. Madankollu nhar il-Ħadd li għadda nstab barra fil-11.30 p.m.
Cremona joqgħod l-Armier f’”boat house” u nstab f’gabbana fl-Armier stess. Fix-xhieda tiegħu s-Surġent Alan Calleja qal li għall-ħabta tal-10.50 p.m. kien infurmat li Cremona kien qiegħed f’gabbana ħdejn it-Torri l-Abjad. Il-Pulizija marru fuq il-post u waslu fil-11.30 p.m., fejn l-imputat kien għadu hemm jiekol ġelat. Cremona ġie arrestat fuq il-post.
Xehed ukoll Cremona stess fejn qal li l-gabbana tinstab 15-il metru biss bogħod minn fejn joqgħod. Qal li għandu problema biex jirregola z-zokkor fid-demm minħabba problema fil-frixa. Kien għal dik ir-raġuni, huwa qal li ħareġ biex jieħu ġelat.
Fit-trattazzjoni tiegħu l-avukat difensur Franco Debono qal li d-digrieti tal-Qorti jridu jiġu obduti iżda qal li rridu nkunu raġonevoli wkoll. Kompla jgħid li huwa nstab faċċata ta’ fejn joqgħod u għalhekk m’għandux jinstab ħati ta’ ksur serju ta’ bail.
Is-sena li għaddiet kien sar attentat fuq ħajjet Cremona, meta kienet tpoġġiet bomba fil-boathouse tiegħu fl-Armier. Dak il-ħin fil-post kien hemm hu u ċertu William Farrugia ta’ 32 sena min Ħal Qormi.
//= $special ?>

