Qorti

Nannu mhux ħati li kkorrompa liż-żewġ neputijiet subien

Raġel ta’ 57 sena mill-Gudja, li ismu ma jistax jissemma’ biex jiġu protetti l-identità tat-tfal involuti fil-każ, ma nstabx ħati mill-Maġistrat Audrey Demicoli li b’għemil żieni kkorrompa żewġ subien, ta’ sitta u seba’ snin. Ir-raġel jiġi n-nannu tagħhom min-naħa ta’ missierhom. Mill-provi rriżulta li f’Novembru 2012, omm it-tfal, li hi separata minn żewġha, għamlet rapport fl-Għassa tal-Ħamrun.

L-omm qalet li waqt li kienet l-Aġenzija Appoġġ biex teżerċita l-aċċess kontrollat ta’ wliedha, it-tfal bdew jitbewsu u jmissu lsienhom ma’ ta’ xulxin. It-tfal qalulha li kienu raw dawn l-affarijiet fuq DVD meta kienu għand in-nannu. Qalulha wkoll li n-nannu kien jgħidilhom biex jaraw miegħu DVDs b’filmati li matulhom in-nies jispiċċaw għarwenin.

Billi t-tfal biesu lil xulxin fil-preżenza ta’ żewġ supervisors tal-Aġenzija Appoġġ, il-Qorti semgħet ix-xhieda tagħhom. L-ewwel supervior li xehdet qalet li waqt li t-tfal kienu qed ipinġu, wieħed minnhom qal lill-ieħor biex iġib ruħu ta’ tifla. Qal ukoll li ħuh ġieli kien ibusu fuq xufftejh u jinża’ quddiemu. Is-supervisor xehdet li t-tifel qal li dan l-aġir tgħallmu għax nannuh kien ikun qed jara videos li jinkludu dawn ix-xeni.

Is-supervisor l-oħra xehdet fil-Qorti li tifel minnhom beda jbus lill-ieħor fuq xufftejh u qal li dawn il-ġesti kien rahom waqt film għand nannuh. Xehdu wkoll it-tfal infushom. Wieħed minnhom qal li kulma ġara kien li ħuh ħareġ is-subgħa tan-nofs, bħala ma ra fil-film, u meta ommu ratu jagħmel dan il-ġest bdiet iċċapċap. Qal ukoll li hu jħobb jara films tat-tfal u li ma’ missieru u nannuh ra biss minn dawn il-films u programmi dwar l-aħbarijiet.

It-tifel qal li n-nannu spiċċa arrestat għax ommu gidbet dwaru u li ħadd m’għandu jemmen dak li tgħid. Qal li meta nannuh kien jara xi ħaġa mhux flokha fuq it-televixin u jkun hemm hu u ħuh, kien jaqleb l-istazzjon mill-ewwel. It-tifel l-ieħor, ta’ sitt snin, qal li meta kien ikun man-nannu kien joqgħod jilgħab u jara l-cartoons, kif ukoll xi DVD tat-tfal. Tenna li n-nannu qatt ma ra DVDs miegħu u ma’ ħuh.

Il-Qorti qalet li minkejja li waqt ix-xhieda tagħhom t-tfal kienu mistoqsija diversi drabi x’tip ta’ films jaraw man-nannu, ma semmew l-ebda film li jwassal għall-konklużjoni li seta’ ħalla effett fuqhom għal dak l-aġir li ddeskriviet ommhom. Id-DVDs elevati mill-Pulizija mid-dar tan-nannu kienu klassifikati li huma adattati għal udjenza matura, għalkemm mhumiex pornografiċi. Il-Qorti qalet li ma teżisti ebda xrara ta’ prova li f’dan il-każ sar xi reat ta’ korruzzjoni ta’ minorenni u għalhekk illiberat lir-raġel.