Lokali

L-Oppożizzjoni ssejjaħ għal front komuni għall-immigrazzjoni

“Wasal iż-żmien li bħala politiċi nitrattaw l-isfida tal-immigrazzjoni rregolari b’mod aktar matur. Għandna nindirizzaw l-isfida tal-immigrazzjoni bi front komuni, u għalhekk qed nipproponi li nneħħu l-materja tal-immigrazzjoni darba għal dejjem mil-lista twila ta’ kwistjonijiet li jqanqlu l-partiġjanizmu politiku u minflok nibnu front komuni f’dan il-qasam.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Oppozizzjoni Simon Busuttil bi tweġiba għal stqarrija ministerjali li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea l-ġimgħa li għaddiet.

Simon Busuttil stqarr li dan nistgħu nagħmluh jekk naqblu fuq il-prinċipji li għandhom jiggwidaw id-deċiżjonijiet li nieħdu f’dan il-qasam, u għal dan il-għan l-Oppożizzjoni ressqet ħames punti ta’ prinċipju li fuqhom għandha tiġi msejsa l-politika nazzjonali tagħna dwar l-immigrazzjoni.

L-ewwel li l-ħajja umana mhix negozjabbli u li l-prijorita’ dejjem għandha tkun li nsalvaw il-ħajja tan-nies; it-tieni li darba nkunu tajna sehemna biex jiġu salvati n-nies, fl-interess nazzjonali ghandna naghmlu li nistghu biex nikkontrollaw l-influss ta’ immigranti lejn pajjiżna biex dan ma jkunx ta’ piż li aħna ma nifilhux għalih; it-tielet li kulħadd għandu d-dritt li jiġi trattat b’dinjita’ u li jingħata d-dritt li jitlob il-protezzjoni f’pajjiżna; ir-raba’ punt hu li għandha titwarrab il-politika populista dwar l-immigrazzjoni għax din ma twassal għall-ebda soluzzjoni ħlief li trewwah il-biża’ u l-mibegħda inutilment u twassal għal razziżmu, filwaqt li tagħti lok għal partiti politiċi ksenofobiċi kif rajna fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew; il-ħames u l-aħħar punt li għandu jkun hemm kooperazzjoni sinċiera bejn il-Gvern u l-Oppozizzjoni, fejn il-Gvern iżomm lill-Oppożizzjoni infurmata kontinwament dwar l-andament tas-sitwazzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ laqgħat regolari tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Immigrazzjoni, li għandu jitlaqqa’ anke fuq talba tal-Oppożizzjoni.

Simon Busuttil żied li jekk il-Gvern lest jaċċetta dawn il-prinċipji, allura jkun jista’ jistrieh fuq l-appoġġ tal-Oppożizzjoni.

Fir-risposta tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu ma jsibx problema li l-Oppożijjoni u l-Gvern jaħdmu flimkien. Muscat qali li ma jaqbilx ma’ dak li qal il-Kap ta-Oppożizzjoni li l-Oppożizzjoni Laburista ma kienx jgħin lill-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien.

Il-Prim Ministru qal li hu ma jaqbilx mal-proposta li l-immigranati jingħataw id-dritt għall-vot.