Lokali

Aġġornata b’ritratti: Pulizija fuq il-mutur jintlaqat minn vettura waqt skorta mal-President

Pulizija li kien abbord mutur ta’ skorta mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca weġġa’ wara li ntlaqat minn vettura li kienet għaddejja minn Triq Diċembru 13 fil-Marsa.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10am meta l-vettura tal-President u l-iskorta tagħha kienet qed issuq fid-direzzjoni lejn il-Belt. Mutur li kien fuq in-naħa ta’ wara tal-iskorta ntlaqat minn vettura privata misjuqa minn żagħżugħ ta’ madwar 20 sena.

Mad-daqqa, jidher li l-mutur tal-Pulizija spiċċa biex tilef il-kontroll, bil-Pulizija jaqa’ minn fuq il-mutur. Għalkemm jidher li l-Pulizija rnexxielu jqum fuq saqajh, Ambulanza li waslet fil-post kellha tieħdu l-Isptar Mater Dei biex jingħata l-kura għall-feriti li ġarrab wara li ngħata l-ewwel għajnuna fil-post. Min-naħa tagħha, il-President, li rat l-inċident iseħħ, baqgħet fil-post sakemm waslet l-Ambulanza.

MaltaRightNow.com jinsab infurmat li l-President Coleiro Preca kienet fi triqitha lejn il-Palazz tal-President fil-Belt biex tilqa’ fi żjara ta’ kortesija lill-Kummissarju Għoli tal-Kanada Peter McGovern.

Stqarrija mill-Uffiċċju tal-President

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-President, intqal li s-sewwieq tal-mutur li kien qed jeskorta l-karozza uffiċjali tal-President ittieħed l-Isptar Mater Dei isofri minn feriti ħfief. Madankollu, hu ntbagħat id-dar ftit tal-ħin wara. L-istqarrija kkonfermat li l-President flimkien mal-Uffiċjali li kienu qed jakkumpanjawha ma kellhom bżonn l-ebda attenzjoni medika.