Qorti

“Sentenza diffetuża” wara r-raġuni li l-Qorti tal-Appell tordna li każ jiġi deċiż mill-ġdid

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi, ordnat li każ jerġa’ jiġi deċiż mill-ġdid wara li s-sentenza li kienet ingħatat kienet waħda difettuża minħabba li r-rekwiżiti ta’ Artiklu tal-Kodiċi Kriminali ma ġewx applikati.

L-appell sar minn Joseph Cutajar, ta’ 39 sena, li kien mixli li f’Lulju 2013 saq karozza b’mod traskurat u perikoluż fl-Imsida, hedded bil-kliem lil Anna Maria Angela Vella u kkaġunalha feriti ħfief. Cutajar kien instab ħati u mar xahar ħabs.

Hu kien appella, fejn fost l-oħrajn kien qal li l-piena kienet waħda esaġerata għax għandu kondotta tajba, hu raġel tal-familja u għandu ibnu b’diżabbiltà. Qal ukoll li minkejja li juża’ l-karozza tiegħu kuljum, qatt ma kellu problemi mal-Ġustizzja.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell qalet li skont l-Artiklu 382 tal-Kodiċi Kriminali, meta l-Qorti tagħti sentenza kontra imputat għandha tgħid il-fatti li tagħhom instab ħati, tagħti l-piena u ssemmi l-Artiklu tal-Kodiċi.

F’dan il-każ, kompliet il-Qorti tal-Appell, is-sentenza kienet difettuża għax ir-rekwiżiti ta’ dan l-artiklu ma kienux applikati. Għalhekk, il-Qorti tal-Appell laqgħet l-appell u ordnat li l-ewwel Qorti terġa’ tiddeċiedi l-każ mill-ġdid skont il-Liġi.