Qorti

Sentenza sospiża u multa fuq sigaretti u xorb bil-kutrabandu

Raġel ta’ 58 sena minn Tal-Ibraġġ kien ikkundannat tliet xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar u mmultat €90,581 mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera wara li nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu sigaretti, tabakk tal-brim u xorb alkoħoliku bil-kuntrabandu.

Il-każ imur lura għal Lulju 2003 meta l-Pulizija għamlu rejd fil-garaxx ta’ Raymond Camilleri, li llum għandu 58 sena, u sabu l-oġġetti msemmija. Meta kien mistoqsi dwarhom, Camilleri qal li d-dazju fuq dawn l-oġġetti kien tħallas l-Italja u għalhekk ma kienx hemm għalfejn jitħallas f’Malta wkoll.

Camilleri, li kien jaħdem bħala baggage handler fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, kien oriġinarjament mixli b’serq ta’ 20 mobile li kienu nġiebu minn Sqallija u b’evażjoni ta’ taxxa fuq alkoħol, sigaretti, cordless phones u żewġ air rifles.

Hu ma nstabx ħati ta’ serq ta’ cordless phones minħabba nuqqas ta’ provi, iżda ħati li evada t-taxxa fuq l-oġġetti l-oħra kollha li nstabu d-dar tiegħu. Il-Qorti qalet li l-ispjega li ta Camilleri dwar kif l-oġġetti bil-kuntrabandu spiċċaw fil-pussess tiegħu ma kinitx affidabbli.

Il-Qorti, sabet lil Camilleri ħati u wara li qieset fost oħrajn li wara dan ir-reat huwa ma jidhirx li reġa’ xellef difru mal-liġi. Madankollu, qalet il-Qorti, mill-kondotta tiegħu jirriżulta li huwa għandu erba’ kundanni – tnejn fuq kontravenzjonijiet, oħra fuq ferita gravi fuq persuna, u oħra fuq li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqin.