Lokali

Simon Busuttil iltaqa’ mal-Kummissarju Għoli tal-Kanada għal Malta

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil iltaqa’ mal-Kummissarju Għoli tal-Kanada għal Malta Peter McGovern fid-Dar Ċentrali t-Tnejn filgħaxija.

Simon Busuttil fisser kif il-Partit Nazzjonalista dejjem jinteressa ruħu fir-relazzjonijiet internazzjonali fejn Malta għandha rwol sinifikanti, specjalment fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kap tal-Oppozizzjoni rrefera għall-ħamsin anniversarju mill-kisba ta’ l-indipendenza ta’ Malta u fejn il-Partit Nazzjonalista kien u għadu strumentali minn din il-kisba storika.

Simon Busuttil żied li Malta għandha relazzjonijiet tajbin mal-Kanada, kemm meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern, kif ukoll issa li jinsab fl-Oppożizzjoni.

Hu qal li Malta għandha rabtiet kbar mal-Kanada, b’eluf ta’ emigranti Maltin jgħixu partikularment f’Toronto u Ontario.

Fi żjara ta’ kortesija, il-Kummissarju Għoli tal-Kanada Peter McGovern fisser kif Malta thaddan valuri simili bhal dawk tal-Kanada, fosthom, il-liberta’, id-demokrazija u l-amministrazzjoni tal-ligi.

Peter McGovern qal li l-komunita’ Maltija-Kanadiza kibret b’ħames generazzjonijiet u llum tgħodd 134,000 persuna.

Hu stqarr li l-Maltin-Kanadizi ssibhom jagħtu kontribut kbir f’kull qasam tal-ħajja fis-soċjeta’ Kanadiża.

Il-Kummissarju Għoli tal-Kanada għal Malta fisser li qed issir ħidma biex jintlaħaq ftehim kummerċjali bejn iż-żewg pajjiżi u sostna li Malta hi pjattaforma ċentali li permezz tagħha jista’ jsir negozju ma’ swieq fl-Afrika ta’ Fuq.

Intant Peter McGovern se jkun qed jagħmel żjara f’Għawdex it-Tlieta fejn hemm komunita’ Kanadiża ta’ madwar 300 persuna.