97 student minn 20 skola differenti rċievew premijiet għall-kontribuzzjoni tagħhom f’żewġ programmi li n-Nature Trust tmexxi biex iżżid l-għarfien u l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli. Iż-żewġ programmi, “Learning about Forests” (LEAF) u “Young Reporters for the Environment”, għandhom l-għan li jqajjmu aktar kuxjenza fost l-istudenti f’dan ir-rigward.
Il-preżentazzjoni tal-premijiet saret fil-Masġar ta’ Kennedy Grove u preżenti għaċ-ċeremonja kien hemm l-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti għal Malta Gina Abercrombie-Wistanley, kif ukoll il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat. Iż-żewġ programmi edukattivi huma fuq livell internazzjonali u fil-programm “Young Reporters for the Environment”, Malta kkompetiet ma’ 15-il pajjiż. Sitt studenti rnexxielhom jiksbu sitt premijiet: tlieta fl-ewwel post, tnejn fit-tieni post u premju ieħor fit-tielet post.
F’indirizz fil-ftuħ taċ-ċerimonja, li saret biswit il-monument ta’ John F. Kennedy, il-President tan-Nature Trust Vincent Attard qal li l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli illum il-ġurnata saret importanti ħafna madwar id-dinja kollha, inkluż f’Malta. Hu spjega li programmi bħal “Eko-Skola”, “Young Reporters for the Enviornment” u “Learning about Forests”, għalkemm f’Malta m’għandniex foresti, huma lkoll programmi li jħeġġu lit-tfal tal-iskola biex iġibu ruħhom b’mod responsabbli fejn ghandu x’jaqsam l-ambjent.
Il-preżentazzjoni tal-premijiet lill-iskejjel saret mill-Ministru Leo Brincat u mill-Ambaxxatriċi Amerikana għal Malta, li f’kelmtejn qalet li rridu nagħmlu dak kollu possibbli biex nipproteġu l-ambjent.
//= $special ?>