Lokali

Tidher biss kwistjoni ta’ jiem mit-tneħħija ta’ Peter Paul Zammit minn Kummissarju tal-Pulizija

Ir-riżenja, jew aħjar it-tneħħija, ta’ Peter Paul Zammit minn Kummissarju tal-Pulizija issa jidher li hi biss kwistjoni ta’ jiem ‘il bogħod. Dan hekk kif aktar ma jgħaddu l-ġranet u għalkemm s’issa mhux b’mod uffiċjali, aktar qed jidher ċar li Zammit se jispiċċa mit-tmexxija tal-Korp. Fi tmiem il-ġimgħa, numru ta’ gazzetti lokali rrappurtaw li r-riżenja ta’ Zammit hi imminenti, b’diversi fatturi jissemmew bħala r-raġuni wara din id-deċiżjoni.

Ftit tal-ġimgħat ilu, meta kienet diġà ħarġet l-istess aħbar, il-Kummissarju kien ċaħad li se jirriżenja. Madankollu, jidher li żviluppi li seħħew fl-aħħar jiem issa verament se jwasslu biex Peter Paul Zammit ma jibqax il-Kummissarju tal-Pulizija. L-aktar każ riċenti li qajjem kontroversja kien dak li fih, allegatament, il-Kummissarju intervjena personalment biex jitwaqqgħu l-akkużi kontra persuna li aggrediet numru ta’ Pulizija fl-Għassa taż-Żejtun.

Il-Ministru Manwel Mallia, li hu politikament responsabbli mill-Korp tal-Pulizija, ma weġibx mistoqsijiet li sarulu fil-Parlament dwar dan il-każ żvelat f’ġurnal lokali. Anke mistoqsijiet li MaltaRightNow.com bagħat direttament lill-Kummissarju baqgħu mhux imwieġba. Dan minkejja li l-Ministru Mallia jidher li ħatar bord ta’ investigazzjoni maghmul minn impjegati fil-Ministeru tiegħu biex jinvestiga x’ġara u x’ma ġarax f’dan il-każ.

Li l-Ministeru ta’ Manwel Mallia mhux kuntent bil-mod kif Zammit qed imexxi l-Korp tidher ċara wkoll mid-deċiżjoni li ttieħdet biex b’diversi okkażjonijiet ma jkunx il-Kummissarju li jidher f’isem il-Korp, iżda jiġi mbuttat ħaddieħor biex jidher minfloku. Hekk ġara dan l-aħħar, f’każ li żvela MaltaRightNow.com, meta fuq intervent dirett mill-Ministeru, l-Assistent Kummissarju Mario Spiteri intbagħat għal programm fuq l-istazzjon tal-istat f’għeluq il-200 sena tal-Korp u ma tħalliex imur Peter Paul Zammit.

S’issa għadu mhux magħruf meta se tkun l-aħħar ġurnata ta’ Peter Paul Zammit fil-kariga u lanqas min se jilħaq minfloku. Madankollu, jidher li anke dwar dan hemm taqtiegħa bejn dak li jridu minn Kastilja, u l-favorit tal-Ministeru ta’ Manwel Mallia.