Sport

Di Maria u l-lasta jsalvaw lill-Arġentina

ARĠENTINA……………1
ŻVIZZERA……………….0
(wara l-ħin barrani)

Arġentina> Romero, Garay, Zabaleta, Gago (Biglia 106′), Di Maria, Higuain, Messi, Mascherano, Rojo (Basanta 105′), Fernandez, Lavezzi (Palacio 74′)
Żvizzera> Benaglio, Lichtsteiner, Inler, Xhaka (Fernandes 66′), Behrami, Rodriguez, Mehmedi (Dzemaili 113′), Drmic (Seferovic 82′), Djourou, Schar, Shaqiri

Imwissija> Xhaka, Fernandes (Ż), Rojo, Di Maria, Garay (A)
Skurjaw>
Referee> Jonas Eriksson (ŻVE)

Gowl maħdum bejn Lionel Messi u Angel di Maria fil-ħin barrani ta rebħa drammatika1-0 lill-Arġentina kontra l-Iżvizzera. Għal darba oħra l-Arġentina naqsu milli jimpressjonaw u wara li marru fil-vantaġġ fil-ħin miżjud l-Iżvizzeri kienu sfortunati li ma sfurzawx il-penalties meta laqtu l-lasta.
L-ewwel taqsima kienet mimlija fawls. L-Arġentina l-aktar li gawdew mill-pussess imma l-akbar ċansijiet waslu għand l-Iżvizzera fejn Xhaka kellu xutt salvat minn Romero u fit-38 minuta Drmic għeleb in-nasba tal-offside u bil-gowlkiper Romero jiżloq,  ipprova jqabbeż minn fuqu imma Romero b’xi mod salva.
Fit-tieni taqsima l-Arġentina ħolqu aktar ċansijiet imma xorta waħda ma sabux ix-xibka. Wara erba’ minuti Messi kellu free kick salvat minn Bengalio. Ir-risposta tal-Iżvizzeri waslet fil-51 minuta meta Drmic, minkejja li ssikat ipprova xutt li iżda mar barra. Sitt minuti wara wasal l-akbar ċans tal-Arġentina meta Rojo għamel ħarba tajba fuq in-naħa tax-xellug u ra t-tentattiv tiegħu salvat minn Benaglio. Fit-68 minuta reġa’ kien Messi li niżżel b’sidru wara li irċieva mingħand Higuain imma l-volley tiegħu mar għoli.
Kwarta mit-tmiem is-sostitut Arġentin Palacio li kien ilu inqas minn żewġ minuti fil-grawnd kellu daqqa ta’ ras li kienet wisq dgħajfa biex t’impenja serjament lil Benaglio. Fit-78 minuta Messi viċin li jirrepeti gowl simili għal dak kontra l-Iran imma Benaglio salva tajjeb.
Fil-ħin barrani t-timijiet dehru jibżgħu minn xulxin u kien fil-118-il minuta meta Messi qabad ballun minn nofs il-grawnd, avanza u għadda lejn DI MARIA li skurja b’xutt fil-baxx. Fl-aħħar minuta tal-ħin barrani, minn azzjoni ta’ corner, Dzemaili laqat il-lasta b’daqqa ta’ ras bil-ballun jerġa’ jiġi f’sieq il-plejer ta’ Npoali li xeħet barra.
Ta’ min jirrimarka li tard it-Tnejn filgħaxija l-kowċ tal-Iżvizzera Ottmar Hitzfeld ingħata l-aħbar ħażina li ħuh Winfried Hitzfeld kien miet fl-eta` ta’ 82 sena. Eżatt qabel il-partita Hitzfeld ħabbar li se jirtira mill-futbol. “Wara 30 sena fid-dinja tal-futbol nemmen li wasal iż-żmien biex nieqaf. Din kienet l-aktar deċiżjoni diffiċli f’ħajti,” qal Hitzfeld.