Parlament

Diskussjoni fil-Parlament dwar l-Abbozz ta’ Liġi biex l-Att dwar il-Blata Kontinentali jiġi konformi mal-UNCLOS

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) tal-1982 għandha sinifikat speċjali għal Malta, anke minħabba li pajjiżna nfluwenza pajjiżi akbar minn tagħna biex tiġi mfassla u aktar tard adottata din il-Konvenzjoni. Dan l-abbozz kien tfassal minn Gvern nazzjonalista, li anke wassal biex jiġi adottat.

Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport Toni Bezzina fil-Parlament, meta kien qed jitkellem dwar l-Abbozz ta’ Liġi li se jġib l-Att dwar il-Blata Kontinentali konformi mal-UNCLOS. Filwaqt li ppreżenta numru ta’ emendi għal dan l-Abbozz ta’ Liġi, Toni Bezzina qal li hu importanti li materji ta’ nteress nazzjonali, bħalma hu dan l-Abbozz, jitressqu quddiem il-Parlament għall-approvazzjoni.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni appella għal rieda tajba mill-Gvern preżenti u oħrajn futuri ħalli jsir l-iskrutinju meħtieġ fuq dak suġġerit minn dan il-Gvern, f’ġieħ l-interess nazzjonali u l-ġid tal-poplu tagħna. Qal li hu biss b’diskussjoni wiesgħa li Liġijiet ta’ din in-natura jittejjbu għall-ġid komuni ta’ kull membru tas-soċjetà Maltija.

Dwar iż-Żona Ekonomika Esklussiva, Toni Bezzina qal li permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, pajjiżna jkollu d-dritt ta’ esplorazzjoni, esplotazzjoni, konservazzjoni u mmaniġġjar tar-riżorsi naturali fiż-żona. Il-kelliem qal li dan iwassal ukoll għal obbligazzjonijiet min-naħa tagħna, iżda wkoll il-ħtieġa ta’ żieda sinifikanti fir-riżorsi f’diversi Dipartimenti, fosthom fil-Forzi Armati, fil-MEPA, fid-Direttorat ta’ Kontroll tal-Fisheries, fi Transport Malta u anke fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Toni Bezzina għalaq l-intervent tiegħu billi saħaq li din il-Liġi għandha tinżamm ‘il bogħod minn kull politika partiġġjana. Hu appella wkoll lill-Gvern biex is-sens komun jirbaħ fuq l-aljenazzjoni politika.