Editorjal

Editorjal: Il-Gvern jattakka lill-Kummissarju tal-Pulizija

Fit-12 ta’ dan ix-xahar, il-Korp tal-Pulizija se jkun qed ifakkar 200 sena mit-twaqqif tiegħu – okkażjoni sabiħa ferm. Korp hekk importanti kellu żminijiet sbieħ u koroh.

L-isbaħ żminijiet tal-Korp tal-Pulizija
L-isbaħ żminijiet ta’ korp li hu pedina ewlenija fir-rebħ tal-ġustizzja kienu meta l-pulizija stħarrġu, qabdu u mexxew kontra kriminali kbar, kienu min kienu, bla ma ħarsu lejn wiċċ ħadd, anke kontra nies b’karigi għoljin ħafna fl-Istat stess.

Il-mumenti l-koroh
Kien hemm ukoll il-mumenti l-koroh tal-korp meta l-korp ħares lejn l-uċuħ, meta sar każin politiku, meta l-korp intuża biex jiffabbrika provi ħalli jressaq bniedem innoċenti mixli bi qtil, meta kummissarju kien involut fi qtil fil-korp stess.

Bħalissa mhux żmien sabiħ
Waqt li l-korp qed iħejji biex ifakkar dan l-anniversarju, dawn ta’ bħalissa mhumiex żminijiet sbieħ għalih:

– il-kummissarju Peter Paul Zammit inħatar politikament meta qabel l-elezzjoni ġenerali kien il-Prokuratur Legali tal-Partit Laburista;
– il-korp stess ammetta influwenza politika biex ma jinvestigax każijiet kbar ta’ korruzzjoni;
– sar indħil f’inkjesta dwar il-każ ta’ żagħżugħ innoċenti li ġie arrestat, mixli u msakkar għal reat li ma wettaqx;
– ġie kkastigat l-ispettur li ressaq il-ħati vera tal-istess reat;
– il-kummissarju – bla permess tal-qrati – qabad u talab informazzjoni dwar telefonati magħmulin minn ċittadini innoċenti;
– raġel li attakka diversi pulizija f’għassa twaqqgħu l-akkużi kontrih għax ċempel lil xi ħadd.

Peter Paul Zammit messu ilu li rriżenja
Fuq dawn il-ġrajjiet, u fuq oħrajn, Peter Paul Zammit messu ilu li rriżenja. Issa imma, il-Gvern qed iġiegħlu jirriżenja b’attakk fil-gazzetti imma għar-raġunijiet il-ħżiena.

Aħbar fil-MaltaToday minn sorsi għoljin fil-Gvern
Aħbar fil-MaltaToday tal-Ħadd li għadda tgħid li l-Gvern se jneħħi lil Peter Paul Zammit minn kummissarju minħabba l-istil tiegħu u għax dan għadu m’għamilx dak li jridu jagħmel il-Gvern. Il-MaltaToday tgħid li dan qaluhulha sorsi għolja fil-Gvern.

L-istess bħall-attakk fuq il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna
Eżatt jiġifieri, kif sorsi għolja fil-Gvern ukoll kienu qalu lill-MaltaToday li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ma jafx x’inhu jagħmel, hu skorfina maħlula fil-gvern u allaħares m’għandux lis-Segretarju Permanenti jagħmillu kollox.

Tbajja’ fuq korp li suppost hu ‘l fuq minn kull partiġġjaniżmu
M’hemmx dubju li dawn l-aħbarijiet fil-MaltaToday tahomlha l-Gvern. Imma Peter Paul Zammit messu ilu li rriżenja jew tkeċċa minn kummissarju mhux għax m’għamilx dak li riedu jagħmel il-Gvern, anzi għax għamel dak li għamel, u mhux fuq l-istil, imma fuq is-sustanza ta’ ġrajjiet li tebbgħu dak li suppost hu korp rispettat minn kulħadd u ‘l fuq minn kull partiġġjaniżmu, meta qiegħed ukoll lejlet anniversarju importanti.