Eluf ta’ persuni li din is-sena attendew għall-Glastonbury Festival li ntemm il-Ħadd li għadda kellhom togħma Maltija wkoll hekk kif is-Sibt li għadda, il-Malti Awstraljan Nicky Bomba, flimkien mal-grupp tiegħu Bustamento kantaw il-kanzunetta Maltija “Lanċa Ġejja u Oħra Sejra”. Kif spjegalna l-kollega Christian Peregin, li attenda propju ghal dan il-festival, Bomba kanta din il-kanzunetta l-ewwel bil-Malti imbagħad bi traduzzjoni għall-Ingliż.
Dan il-festival hu wieħed mill-festivals prinċipali fl-Ingilterra u jsir fil-belt ta’ Somerset. Din is-sena attendew għalih iktar minn 130,000 ruħ u jekk wieħed jgħodd il-ħaddiema u voluntieri, dan in-numru jitla’ għal madwar 200,000. Dan hu festival popolari ħafna mal-Maltin u din is-sena ma kinitx eċċezzjoni hekk kif kienu ħafna dawk li ħallew pajjiżna lejn l-Ingilterra propju biex jattendu għall-edizzjoni ta’ din is-sena.
Fil-fatt il-Maltin appoġġjaw bi kbir lil Bomba tant li bħala apprezzament għażel li jiddedikalhom din il-kanzunetta. Nicky Bomba ħa sehem darbtejn fil-festival ta’ din is-sena, l-ewwel filgħodu fejn kanta l-kanzunetta Maltija, imma wkoll iktar tard mal-ġurnata fejn kien parti mill-Melbourne Ska Orchestra. Fost il-highlights ta’ din is-sena, wieħed isib il-band popolari Metallica, kif ukoll lil Dolly Parton u Lana Del Ray.
//= $special ?>