Unjoni Ewropea

Fis-Seduta Inawgurali, Schulz ikkonfermat President tal-Parlament Ewropew

Fi Strasburgu llum saret is-Seduta Inawgurali tal-Parlament Ewropew il-ġdid, kif iffurmat wara l-elezzjonijiet li saru fit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar ġimgħa ta’ Mejju li għadda. Fil-każ ta’ Malta, għall-ewwel darba l-leġiżlatura bdiet b’sitt Membri Parlamentari Ewropej u bi tlieta fuq kull naħa.

Filwaqt li t-tliet MEPs Nazzjonalisti David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia qed ipoġġu fuq is-siġġijiet tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), it-tliet MEPs Laburisti Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi qed ipoġġu fuq is-siġġijiet tal-Grupp tas-Soċjalisti (S&D). Għal darb’oħra, il-PPE baqa’ l-akbar grupp b’221 MEP minn total ta’ 751, filwaqt li s-S&D għandu 191 MEP.

L-ewwel materja fuq l-aġenda f’din l-ewwel seduta plenarja tal-Parlament Ewropew il-ġdid kienet il-ħatra tal-President tal-Parlament Ewropew. Kif kien mistenni, f’din il-kariga kien konfermat is-Soċjalista Ġermaniż Martin Schulz li, f’votazzjoni li bdiet fl-10am, ġie elett b’409 voti favur. Din id-darba t-terminu tal-Presidenza tal-Parlament Ewropew se jinqasam fi tnejn. Filwaqt li Schulz se jagħmel l-ewwel sentejn u nofs tal-leġiżlatura, fit-tieni nofs se jkun kandidat tal-PPE li jieħu l-kariga.

Dan sar bi ftehim bejn l-akbar żewġ gruppi, li wassal biex filwaqt li s-S&D se jappoġġja l-kandidatura ta’ Jean Claude Juncker tal-PPE għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea, min-naħa tiegħu l-PPE qabel li għall-ewwel nofs tal-leġiżlatura jkun konfermat fit-tmexxija tal-Parlament Ewropew Martin Schulz, li kien l-avversarju ta’ Juncker fil-ġlieda għat-tmun tal-Kummissjoni.

F’dak li jissejjaħ l-Acceptance Speech wara li ġie elett, Schulz irringrazzja lil dawk kollha li wrew fiduċja fih bil-vot tagħhom. Hu qal li jinsab onorat li se jkun l-ewwel President tal-Parlament Ewropew li qed jiġi elett fl-istess kariga għat-tieni darba konsekuttiva. Schulz qal li l-ebda grupp waħdu m’għandu maġġoranza u għalhekk jeħtieġ li jkun hemm ftehim u qbil bejn il-partiti kollha fil-Parlament Ewropew.

Il-kandidati l-oħrajn, fid-diskors tagħhom, ikkritikaw il-ftehim li sar minn qabel u minn wara l-kwinti bejn iż-żewġ gruppi ewlenin. Huma qalu li l-President tal-Parlament Ewropew għandu jirrappreżenta liċ-ċittadini Ewropej b’dinjità. Huma sostnew li l-MEPs għandhom ikunu onesti fil-ħidma tagħhom u jiddeċiedu verament f’isem il-poplu.

Sadanittant, wara s-seduta inawgurali mifruxa fuq tlett ijiem sal-Ħamis, l-attenzjoni fil-Parlament Ewropew iddur fuq il-votazzjoni għall-President tal-Kummisjoni Ewropea. Wara li f’Summit li sar fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Mexxejja Ewropej ivvutaw u qablu fuq l-eks Prim Ministru tal-Lussemburgu Jean Claude Juncker, se jkun propju fis-seduta li jmiss fis-16 ta’ Lulju meta jerġgħu jiltaqgħu l-MEPs u jittieħed il-vot biex Juncker jiġi approvat mill-Parlament Ewropew.

Wara din il-votazzjoni importanti, tibda l-ħidma fuq il-formazzjoni tal-Kummissjoni l-ġdida mmexxija minn Juncker. Wara s-Sajf isiru dawk magħrufa bħala “grillings tal-Kummissarji, bl-iskop li l-Kummissjoni Juncker tibda taħdem formalment malli jintemm il-mandat tal-Kummissjoni Barroso fil-31 ta’ Ottubru. Wara s-Sajf ukoll iridu jimtlew għadd ta’ karigi importanti oħrajn, fosthom il-kariga ta’ President tal-Kunsill Ewropew minflok Herman Van Rompuy u dik tal-Kap tal-Politika Barranija tal-UE minflok Catherine Ashton.