Ekonomija

‘Hili Ventures’ tixtri l-kumpanija SAD

PTL International, waħda mill-kumpaniji sussidjarji tal-kumpanija Maltija Hili Ventures, għadha kemm xtrat il-kumpanija SAD, l-akbar qafas ta’ ħwienet li jbiegħu l-prodotti Apple fil-Polonja. Imwaqqfa fl-1991, SAD hi waħda mill-aktar kumpaniji tal-IT fil-Polonja li qed jikbru. Il-kumpanija hi Apple Premium Reseller, Apple Authorised Training Centre u Apple Authorised Service Provider.

PTL International tiġbor fiha l-attivitajiet kollha tat-teknologija fi ħdan Hili Ventures. Il-kumpanija hi nvoluta f’erba’ oqsma ewlenin tal-IT : bejgħ, soluzzjonijiet għan-negozju, servizzi li jżidu l-valur u komunikazzjoni.

Min-naħa tagħha l-kumpanija Pollakka SAD hi magħmula minn katina ta’ 21 ħanut li joperaw taħt l-isem iSpot. Il-kumpanija topera wkoll online.

Il-kumpanija tipprovdi wkoll soluzzjonijiet tal-IT, għajnuna teknika u taħriġ lil kumpaniji oħra, lill-Gvern lokali u klijenti individwali. Il-kwartieri tas-SAD jinsabu f’Varsavja. Il-kumpanija timpjega ftit inqas minn mitejn u ħamsin ħaddiem.