Qorti

Il-Qorti tikkritika lil Prosekuzzjoni u l-Avukat Ġenerali fuq kawża li damet tkarkar

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale ikkritikat lill-Prosekuzzjoni u lill-Avukat Ġenerali fuq każ li dam ikarkar u li skont l-istess dan seta’ jiġi riżolt sena u nofs ilu. Il-Qorti qalet li minħabba n-nuqqas ta’ kunsens minħabba l-Avukat Ġenerali, każ dwar argument familjari dam sena u nofs biex jiġi deċiż.

Ingħad li dan kollu seħħ minħabba l-intransiġenza min-naħa tal-Avukat Ġenerali biex jagħti l-kunsens tiegħu biex tali proċeduri jkunu deċiżi fi żmien qasir. Iżda minflok, l-Avukat Ġenerali rrapporta lil din il-Qorti lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, talli skont hu, naqset milli tittempra ruħa mat-termini legali imposti fuqha,” qalet il-Qorti, f’sentenza li tat fil-konfront ta’ Oswal Francis Natalin Bennetti ta’ 36 sena ma nstabx ħati ta’ erba’ akkużi,  fosthom li kkaġuna feriti gravi fuq persuna.

Il-Qorti qalet li kieku ma għadx hemm fis-seħħ is-sistema preżenti, deskritta minnha bħala arkajka, u li kieku l-Avukat Ġenerali ta l-kunsens tiegħu mill-ewwel kif messu għamel, ma kienx ikun meħtieġ għall-Qorti li tottempra ruħha ma’ termini qosra.

Dan b’dannu għal numru kbir ta’ kawżi oħra li l-Qorti jkollha ppjanati minn ferm qabel u li jkollhom inġustament jiġu differiti minħabba talbiet li jsiru fl-aħħar minuta mill-Avukat Ġenerali. Dan apparti l-fatt li l-kawża setgħet tiġi deċiża ferm qabel.

Il-Qorti qalet ukoll li s-sistema preżenti hija magħmula biex jibbenefika minnha  l-Avukat Ġenerali u biex timpedixxi lill-Qorti milli tipproċedi bil-kawża b’mod mgħaġġell u ġust.

Mill-provi li ħarġu b’rabta ma’ dan il-każ partikolari li seħħ f’Novembru tal-2012, irriżulta li Bennetti mar fl-appartament tiegħu fejn kien jgħix mas-sieħba tiegħu, Christina Joyce. Minn din ir-relazzjoni, il-koppja kellha tifla ta’ ftit anqas minn sentejn. Mal-koppja kienet tgħix ukoll it-tifla ta’ Joyce, ta’ 12-il sena.

Irriżulta li dakinhar Joyce bdiet tgħid lil Bennetti li kienet imdejqa f’Malta u li riedet titlaq minn hawn. Min-naħa tiegħu, Bennetti qal li kien wegħdha li jixtrilha biljett biex titlaq lura pajjiżha flimkien mat-tifla.
Bennetti kien għadda l-paga kollha tiegħu lil Joyce biex din tkun tista tagħmel ix-xirjiet għad-dar, tagħmel xi spejjeż ora relatati mal-għajxien u ħlas ta’ kera tal-appartament.

L-għada, meta Bennetti kien ix-xogħol, ċemplitlu Joyce u qaltlu li bil-flus li kien taha, xtrat il-biljetti biex titlaq minn Malta. Infurmatu li kienet se titlaq it-Tnejn ta’ wara.

Wara li lesta mix-xogħol, Bennetti mar lura l-appartament u wara li qatta’ ftit tal-ħin mat-tifla tiegħu, ippakkja l-affarijiet kollha tiegħu u ħadhom għand oħtu fejn ried imur jgħix, peress li ma riedx jibqa’ fl-appartament ladarba Joyce kienet iddeċidiet li tmur lura f’pajjiżha.

Madankollu, filgħaxija Bennetti xtaq iqatta’ ftit aktar ħin mat-tifla qabel ma teħodha Joyce. Għaldaqstant, ċempel lil Joyce biex jara jekk riditux lura u hija qaltlu li hija qatt ma riditu jitlaq u għalhekk mar lura biex iqatta’ ftit tal-ħin mat-tifla.

Irriżulta li waqt li kien hemm, Bennetti u Joyce bdew jitkellmu bl-aktar mod ċivili u anke  bdew jixorbu flimkien. Ġara, iżda, li f’mument minnhom Joyce qaltlu li t-tifla tagħha kienet issuġġeritilha li bil-moħbi tiegħu, ibigħu l-affarijiet kollha tiegħu u bil-flus jaħarbu. X’ħin sema’ dan Bennetti ħassu offiż u ddeċieda li jmur jorqod.

Hekk kif Bennetti għadda minn maġemb it-tifla, din qamet u marret ħdejn Joyce. Wara, Joyce u t-tifla ħebbew għal Bennetti. F’mument minnhom it-tifla tat daqqa ta’ ponn lil Bennetti u kisritlu parti minn snienu. Hija ppruvat tagħtih daqqa oħra, u bl-istint tiegħu Bennetti għolla idu biex jipproteġi wiċċu.

Dak il-ħin it-tifla laqtet idha ma’ id l-akkużat u induna li weġġgħet idha. Dak il-ħin it-tifla ż-żgħira qamet, bdiet tgħajjat u ħarġet ‘il barra. Joyce u bintha marru jiġru warajha.  Bennetti dlonk ċempel lill-Pulizija.
Joyce insistiet mal-Pulizija biex ma jipproċedux kontra Bennetti. Madankollu l-Pulizija insistew li jekk ma jipproċedux kontrieh kienu se jipproċedu kontra tagħha.

X’ħin ġiet biex tiddeċidi, il-Qorti qalet li kienu Joyce u bintha li attakkaw lill Bennetti u huwa aġixxa biex jiddefendi lilu nnifsu. Għalhekk iliberatu minn kull akkuża. Għalih deher l-Avukat Joe Brincat.