Hekk kif ilbieraħ filgħaxija t-tliet adoloxxenti Iżraeljani li kienu sparixxew xi jiem ilu fix-Xatt tal-Punent, instabu mejtin ġo gandott fil-villaġġ Palestinjan ta’ Halhul, fil-limiti tal-belt ta’ Hebron, qed ikomplu l-battibekki bejn l-Iżraeljani u l-militanti Iżlamiċi tal-moviment Hamas. Dan hekk kif qabel ma dawn instabu, l-Iżraeljani kienu akkużaw lill-militanti tal-Hamas bil-ħtif tal-adolexxenti, filwaqt li kelliema għall-Hamas ċaħdu kwalunkwe responsabbiltà.
Iż-żgħażagħ, Naftali Frenkel, Gilad Shaar u Eyal Yifrach, kienu ntlemħu l-aħħar fiż-żona ta’ Hebron waqt li kienu qed jippruvaw isibu lift lura d-dar wara li kienu attendew il-lezzjonijiet ta’ filgħaxija. Il-qraba tal-mejtin kienu nfurmati b’din it-traġedja, filwaqt li dettalji dwar il-każ ingħataw waqt laqgħa urġenti tal-Kabinett Iżraeljan. Uffiċjal għoli tal-Moviment Hamas wissa lil Iżrael kontra xi forma ta’ tpattija u kien ikkwotat jgħid li jekk jiġri hekk “niftħulkom il-kanċelli tal-infern”.
Dan il-każ wassal għal diversi reazzjonijiet minn madwar id-dinja. Fost oħrajn, filwaqt li kkundanna dan l-aġir, il-President Amerikan Barack Obama qal li bħala missier ma jistax jimmaġina dak li qed jgħaddu minnu l-ġenituri ta’ dawn it-tfal. Anke l-Gvern Malti kkundanna bla ebda riżerva l-ħtif u l-qtil tat-tliet żgħażagħ Iżraeliti. Filwaqt li esprima s-sogħba tiegħu għal dawn l-imwiet, il-Gvern Malti bagħat il-kondoljanzi sinċiera lill-qraba taż-żgħażagħ u lill-poplu tal-Iżrael.
//= $special ?>

