Futbol Sport

L-Afrikani eliminati kollha

ĠERMANJA 2
ALĠERIJA 1

(wara l-ħin barrani)

Ġermanja: Neuer, Mustafi (Khedira 68′), Mertesacker, Boateng, Howedes, Lahm , Schweinsteiger (Kramer 106′), Ozil, Kroos, Gotze (Schuerrle 46′), Muller
Alġerija: Mbolhi, Ghoulam, Belkalem, Halliche (Bougherra 97′), Lacen, Feghouli, Slimani, Soudani (Djabou 100′), Taider (Brahimi 78′), Mandi, Mostefa

Imwissija: Halliche (N), Lahm (Ġ)
Skurjaw: Schurrle 92′ (Ġ)
Referee: Sandro Meira Ricci (BRA)

L-Alġerija u n-Niġerja, l-aħħar żewġ timijiet Afrikani li kien fadal f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja ġew eliminati b’telfiet kontra l-Ġermanja u Franza rispettivament. Il-Ġermanja iżda kellhom bżonn il-ħin barrani biex u issa fil-kwarti tal-finali jilagħbu kontra Franza.

Kienet l-ewwel darba fi tliet konfronti li l-Ġermanja għelbu lill-Alġerija fit-Tazza tad-Dinja u ma kinitx rebħa faċli. Madankollu, s’issa t-timijiet li għaddew għall-kwarti tal-finali kienu kollha rebbieħa tal-grupp tagħhom.

Fl-ewwel taqsima, l-Alġerini ddefendew b’ħafna plejers wara l-ballun u operaw bil-kontra-attakk. Mad-disa’ minuta, Slimani kellu l-ewwel ċans meta rċieva cross u l-gowler Ġermaniż Neuer kellu joħroġ minn bejn il-lasti biex jinnewtralizza.

Ir-risposta tal-Ġermanja waslet fl-14-il minuta, meta Schweinsteiger ipprova xutt salvat tajjeb minn M’Bohli. Minuta wara, Feghouli qabeż lil Boateng, li kemm-il darba deher ibati mal-ħeffa tal-avversarji, u pprova xutt minn pożizzjoni angulata minflok qassam lil Soudani. Fis-17-il minuta, l-Afrikani kellhom gowl imħassar meta Feghouli skurja b’daqqa ta’ ras imma kien offside. L-Alġerini komplew jippressaw u għal darb’oħra reġa’ kien Neuer li ħareġ jimblokka fuq Ghoulam.

L-istess Neuer, fit-28 minuta, għamel intervent ieħor fuq Slimani. Fl-34 minuta, cross ta’ Mustafi u Muller bir-ras xeħet ftit barra. Ħames minuti wara, l-Alġerija kellhom xutt ta’ Mostefa mxellef minn Boateng biex l-aħħar ċans tal-ewwel taqsima wasal għand Gotze, li minn rebound mill-viċin kellu x-xutt salvat minn M’Bohli.

Fit-tieni taqsima l-Ġermaniżi kienu aħjar. Wara ħames minuti s-sostitut Schurrle kellu l-ewwel ċans, bix-xutt tiegħu kien imxellef. Sitt minuti wara, M’Bohli għamel save kbir fuq xutt ta’ Lahm u 10 minuti mit-tmiem, Schurrle tefa’ cross lejn Schweinsteiger iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu marret barra. Minuta wara, kien Muller li tilef ċans kbir meta d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet wisq ċentrali. L-istess Muller kellu ċans ieħor minuta wara, meta niżżel il-ballun b’finezza kbira iżda xxuttja barra. L-aħħar ċans sad-90 minuta kien ta’ Schweinsteiger, b’daqqa ta’ ras salvata minn M’Bohli.

90 sekonda mill-bidu tal-ewwel taqsima tal-ħin barrani, kien is-sostitut SCHURRLE li fetaħ l-iskor, meta rċieva cross fil-baxx mingħand Muller u bit-takkuna xellef fix-xibka. Bil-vantaġġ miksub, il-Ġermaniżi ddefendew bil-għaqal u operaw bil-kontra-attakki. Aktar tard, fil-119-il minuta, OZIL aċċerta r-rebħa, għalkemm l-Alġerija naqqsu l-iskor minn DJABOU fil-ftit sekondi li kien għad fadal.