Impenn biex jinġabru 65,000 li permezz tagħhom se tkun qed titjieb il-ħajja tat-tfal f’Gabella fl-Etjopja. Dan permezz tal-bini ta’ kindergarten li se tissemma għal Nirvana Azzopardi, il-personalita’ televiziva li ftit xhur ilu mietet kawża tal-kanċer.
Fil-preżenza ta’ Joe Azzopardi, missier Nirvana, l-organizzaturi tat-tmien edizzjoni tal-Kilimanjaro Challenge taw dettalji dwar l-isfida li se jidħlu għaliha biex iwettqu dan il-proġett bżonnjuż. Dan se jkun proġett f’kullana ta’ proġetti oħra li saru fl-aħħar seba’ snin bis-saħħa tal-Kilimanjaro Challenge li b’diversi inizjattiva ġabret 450,000 ewro.
Fit-tmien edizzjoni tal-Kilmanjaro Challenge, 17-il persuna se jiffaċċjaw l-isfida li jitilgħu fuq il-muntanja Kilmanjaro f’kundizzjonijiet mill-iktar diffiċli. It-tim se jħalli Malta fis-27 ta’ Diċembru biex jasal f’Kilimanjaro jumejn wara. Wara granet ta’ orjentazzjoni, it-tim jibda l-attentat diffiċli tieghu.
L-isfida Kilmanjaro bdiet tmien snin ilu permezz ta’ inizjattiva minn Dun George Grima, li fl-aħħar 25 sena kkoordina diversi proġetti fost il-foqra fil-Brazil, l-Etjopja, il-Kenja u pajjiżi oħra. Il-proġett ta’ din is-sena biex jinbena Kindergarten se jkun wieħed b’rabta diretta ma’ Malta, mhux biss għaliex il-fondi se jinġabru mingħand il-Maltin iżda wkoll għall-fatt li se jissemma għal Nirvana Azzopardi.
Għal missier Nirvana, Joe Azzopardi, li kien prezenti għall-konferenza tal-aħbarijiet, dan hu proġett b’messaġġ. Nirvana kienet u tibqa’ marbuta mas-soċjeta’ Maltija minħabba l-kontribut li kienet tagħti u kien għalhekk li dan il-proġett issemma għaliha.
Din l-għazla għandha twassal biex iktar Maltin jassoċjaw ma’ dan il-proġett ta’ fejda għat-tfal fl-Etjopja. Bl-iskop li jkomplu jinġabru iktar fondi, fl-ambitu tal-Kilimanjaro Challenge se jkunu organizzati diversi attivitjajiet oħrajn biex ikun finanzjat dan il-proġett ħalli t-tfal fl-Etjopja jkollhom titjib f’ħajjithom, ħajja nieqsa minn elementi bażiċi li huma garantiti għal tfal f’pajjiżi oħra fosthom Malta.
//= $special ?>