Lokali

L-MUT u l-UMASA jistennew il-kontra-proposta tal-Gvern

Università ta' Malta

Il-Gvern se jkun qed jgħaddi kontra-proposta lil MUT u lil UMASA sa nhar il-Ħamis. Dan wara li fl-aħħar jiem, dawn iż-żewġ unjins irreġistraw tilwin mal-Gvern u l-Universita’ ta’ Malta minħabba dak li ddeskrivew bħala dewmien esaġerat biex jintleħaq qbil dwar il-pakkett finanzjarju offrut lil għalliema tal-Universita’ u tal-Junior Lyceum. L-istess unjins kienu ppreżentaw il-proposti tagħhom biex tinstab soluzzjoni sa mit-23 t’April iżda wara iktar minn xahrejn baqgħu ma rċevew l-ebda tweġiba mingħand il-Gvern.
Fid-dawl tal-kontra-proposta mwegħda mill-Gvern, iż-żewġ unjins iddeċidew li jippostponew kull azzjoni industrijali li kienu se jieħdu. Biss fi stqarrija wissew li jekk ma jirċievux proposta konkreta li tindirizza l-problema sa nhar il-Ġimgħa fil-ħdax, l-azzjonijiet industrijali se jerġgħu jitpoġġew fis-seħħ. Dan huwa biżżejjed żmien għal Gvern biex joħroġ bi proposta tajba, speċjalment wara li l-proposta tal-unjins ilha li ntbagħtet xahrejn sħaħ, temmet tgħid l-istqarrija.