Għawdex Lokali

L-NSO tiftaħ ukoll f’Għawdex

L-Ufficcju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, issa hu rapprezentat ukoll f’Għawdex hekk kif it-Tlieta filgħodu ġie inawgurat uffiċċju ġdid fir-Rabat Għawdex.

Il-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju sar mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo. L-Isqof t’Għawdex Monsinjur Mario Grech bierek il-binja li tinsab f’post centrali fir-Rabat.

Fid-diskors tiegħu, iċ-Chairman tal-Awtorita’ Maltija tal-istatistika, il-Professur Albert Leone Ganado tkellem dwar l-importanza tal-istatistika għaliex permezz tagħha pajjiżna jkun jista’ jieħu idea tas-sitwazzjoni f’diversi oqsma.

Fil-fatt il-ħsieb wara dan l-uffiċċju ġdid hu li iktar riżorsi jiġu ddedikati għad-data minn Għawdex u biex tissaħħaħ il-kollezzjoni eżistenti u tibda tinġabar statistika reġjonali ġdida.

Min-naħa tiegħu Michael Pace Ross, Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika spjega kif dan l-uffiċċju ġdid se jsaħħaħ il-kooperazzjoni mal-imsiehba ibbażati f’Għawdex u se jsaħħaħ ukoll il-kwalita’ tal-istatistika fuq livell reġjonali.

Qal li se tingħata attenzjoni partikolari lil attivitajiet prinċipali u distintivi li jsir f’Għawdex u Kemmuna.

L-uffiċċju se jaħdem ukoll mill-qrib mal-Head Office f’Malta u se jimpjega sitt ħaddiema.