Lokali

Madwar 100 promozzjoni fl-Armata fil-jiem li għaddew wara rakkomandazzjonijiet tal-Bord imwaqqaf mill-Gvern Laburista

Minn informazzjoni li kiseb MaltaRightNow.com jirriżulta li jammontaw għal madwar 100 l-promozzjonijiet li ngħataw fil-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) fil-jiem li għaddew, riżultat tar-rakkomandazzjonijiet li għamel il-Bord imwaqqaf mill-Gvern Laburista, immexxi mill-eks Brigadier Maurice Calleja. L-informazzjoni li għandna tgħid li fost dawn hemm min ingħata aktar minn promozzjoni waħda, filwaqt li f’ċerti każi ngħataw ukoll promozzjonijiet b’seħħ lura mill-2013.

Jirriżulta wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin mistennija numru sostanzjali ieħor ta’ promozzjonijiet fil-FAM, fuq ordni ta’ dan il-Bord, li twaqqaf biex jinvestiga lmenti dwar inġustizzji fi promozzjonijiet fis-snin l-imgħoddija. Madankollu, mill-informazzjoni li għandna, jirriżulta li ħadd mill-persuni li ressqu l-ilmenti quddiem dan il-Bord ma kien fetaħ ilment ta’ inġustizzja fil-konfront tiegħu mal-Uffiċċju tal-Ombudsman.

F’Marzu li għadda, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi kien talab lill-iSpeaker biex issir talba mill-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra ħalli l-Ombudsman janalizza l-operat ta’ dan il-Bord ħalli jkun żgurat li qed iħaddan prattiċi trasparenti. Madankollu, din it-talba kienet rifjutata mill-Gvern. B’hekk, minkejja li l-Gvern waqqaf Bord biex janalizza inġustizzji taħt amministrazzjoni preċedenti, m’aċċettax it-talba tal-Oppożizzjoni li jkun żgurat li l-operat ta’ dan il-Bord hu wieħed trasparenti.

Il-proċess ta’ għoti ta’ promozzjonijiet qed isir fl-eqqel ta’ kwistjoni li għaddejja bejn il-Gvern u l-Ombudsman, li saħanistra kellu jirrikorri fil-Qorti wara li l-Ministeru ta’ Manwel Mallia, li hu politikament responsabbli mill-FAM, irrifjuta li jgħaddi informazzjoni mitluba mill-Uffiċċju tal-Ombudsman ħalli jkun jista’ jinvestiga lmenti li tressqu quddiemu minn Uffiċjali tal-Armata. Dawn qed jgħidu li nqabżu b’mod inġust fi promozzjonijiet li ngħataw fil-FAM fl-aħħar sena ta’ Gvern Laburista.

Hekk kif il-Gvern qed jgħid li l-Ombudsman m’għandux ġurisdizzjoni jagħmel din l-investigazzjoni, l-Ombudsman ressaq Protest Ġudizzjarju fil-Qorti dwar din il-kwistjoni. Min-naħa tiegħu, il-Gvern ippreżenta Kontro-Protest, filwaqt li l-Ombudsman reġa’ wieġeb fil-Qorti lbieraħ filgħodu. Fir-Replika tiegħu, il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino ddikjara li hu lest jiltaqa’ mal-Ministru Mallia, iżda baqa’ sod mal-pożizzjoni tiegħu, jiġifieri li għandu kull dritt jinvestiga l-ilmenti, skont il-Liġi li waqqfet l-Uffiċċju tal-Ombudsman.

Joseph Said Pullicino spejga wkoll li l-ġurisdizzjoni tiegħu biex jikkunsidra l-ilmenti min-naħa tal-Uffiċjali tal-FAM kienet diskussa u kkonfermata fl-2008 waqt taħditiet bejn l-Ombudsman, il-President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, l-Avukat Ġenerali u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.