Qorti

Minorenni tixhed bil-magħluq fil-kumpilazzjoni ta’ Erin Tanti

Hekk kif illum kompla jinstema’ l-każ ta’ Erin Tanti, mixli bil-qtil tal-istudenta tiegħu Lisa Marie Zahra, l-Avukat Stephen Tonna Lowell, li qed jidher għall-qraba tal-vittma, talab li xhud minorenni li kienet se tixhed dwar il-każ tagħti l-verżjoni tagħha bil-magħluq. Hu talab ukoll li jkun hemm divjett fuq il-pubblikazzjoni tal-isem u kull informazzjoni oħra li tista’ twassal biex din tiġi identifikata.

L-Avukat Difensur Michael Sciriha ma opponiex din it-talba, bil-Maġistrat Audrey Demicoli tilqa’ t-talba. Għaldaqstant, il-ġurnalisti u l-membri tal-pubbliku nħarġu mill-Awla, bit-tifla tibda tixhed permezz tal-video conferencing. Wara li xehdet it-tifla, tat ix-xhieda tagħha l-Psikjatra Larissa Camilleri, li qalet li meta l-Pulizija marru l-Isptar biex jinterrogaw lill-akkużat, Tanti kien jinsab fi stat tajjeb.

Xehed ukoll Anton Grech, Psikjatra ieħor, li qal li jrid jiġi eżentat mis-sigriet professjonali. Madankollu, l-Avukat Difensur oġġezzjona għal dan minħabba li ried jikkonsulta mal-klijent tiegħu. Għaldaqstant, Grech ma tax ix-xhieda tiegħu.

Erin Tanti, għalliem ta’ 23 sena residenti l-Belt, għadu miżmum taħt arrest preventiv fl-Isptar Monte Carmeli. Tanti kien tressaq il-Qorti mill-Ispetturi Keith Arnaud, Sylvana Briffa u Josric Mifsud b’diversi akkużi u wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih. L-aktar akkuża gravi hi li qatel waħda mit-tfal li hu kien jgħallem. Hu qed jiġi mixli b’sitt akkużi, fejn minbarra qtil involontarju qed jiġi mixli wkoll li bejn it-18 u d-19 ta’ Marzu 2014 ġiegħel lil Lisa Marie Zahra toqtol ruħha b’idejha, kif ukoll li matul il-ġranet u l-ġimgħat ta’ qabel ikkorrompiha b’għemil żieni.

Tanti qed jiġi mixli wkoll li pparteċipa f’attivitajiet sesswali mal-istess tfajla, li kienet studenta tiegħu, meta din kienet taħt l-età u meta kellu pożizzjoni ta’ fiduċja jew ta’ awtorità. Qed jiġi mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu materjal indiċenti waqt li kellu l-kontroll jew il-kustodja ta’ tfajla taħt l-età. Qed jiġi akkużat ukoll li kellu dan il-materjal fl-istess waqt li kellu r-responsabbiltà li jeduka u jieħu ħsieb il-kura tat-tfajla.

L-Avukati Michael u Lucio Sciriha qed jidhru għal Tanti. Bħala parti ċivili għan-nom tal-qraba tal-vittma hemm l-Avukati Joe Giglio, Giannella de Marco, Stephen Tonna Lowell u Reuben Farrugia. Il-kumpilazzjoni se tkompli tinstema’ fl-14 ta’ Awwissu li ġej.