Kultura Lokali Mużika

“Music from Elsewhere” fid-9 ta’ Lulju bħala pjattaforma għal ‘bands’ lokali

“Music from Elsewhere” hu l-isem ta’ attività li se tittella’ fid-9 ta’ Lulju, intiża li sservi bħala pjattaforma għal bands Maltin li jdoqqu mużika bi stili minn indie-alternative għal rap, għal ġeneri differenti ta’ mużika rock. L-attività se tkun organizzata mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali (FĊN), li hi inkarigata mill-programm ta’ attivitajiet li qed isir matul din is-sena biex jiċċelebra numru ta’ anniversarji nazzjonali importanti.

L-attività qed issir ukoll b’kollaborazzjoni mal-Hard Rock Rising on the Road 2014, li tinkludi sensiela ta’ kunċerti b’xejn għal kulħadd bħala parti minn tour organizzat minn Hard Rock International dan is-sajf biex jesponi u jippromwovi t-talent mużikali ġdid. Dawn l-avvenimenti qed isiru matul Mejju, Ġunju u Lulju f’25 belt Ewropea, fosthom Malta.

B’dan il-proġett, il-FĊN daħħlet lil Malta fl-“On the Road” Tour tal-Hard Rock International, li beda f’Mejju fl-Ingilterra u jilħaq il-qofol tiegħu bl-aħħar kunċert fit-12 ta’ Lulju fi Piazza del Popolo f’Ruma, li għalih mistennija tattendi folla ta’ 40,000 persuna. Il-kunċert ta’ Malta, li se jkun dak ta’ qabel tal-aħħar, se jsir fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan bejn il-5pm u l-10pm u, bħall-bqija tal-kunċerti l-oħra kollha, id-dħul se jkun b’xejn.

Il-line-up ta’ bands lokali se jinkludi lil Different Strings, Bark Bark Disco, Jane Doe, Fastidju, Frenzy Mono, Skimmed, Sempliċiment tat-Triq u Areola Treat. Għal dawn il-kunċerti, Hard Rock bnew trakk kbir li jinfetaħ u jinbidel f’palk idur fuq ir-roti. Dan it-trakk se jkun f’Malta wkoll għall-kunċert li se jsir f’pajjiżna.

Billi se jsir fil-Bajja ta’ San Ġorġ, l-avveniment “Music from Elsewhere” se joffri ukoll opportunità biex l-udjenza tgawdi jum ta’ mużika u għawm f’waħda mill-isbaħ bajjiet Maltin. Barra minhekk, għal min ma jridx jitlef il-partiti tat-Tazza tad-Dinja, l-organizzaturi ħadu ħsieb ukoll li fil-Bajja jarmaw screen kbir biex fi tmiem l-attività tixxandar fuqu t-tieni semifinali tat-Tazza tad-Dinja.