Il-laqgħa li l-Kabinett Laburista għamel dalgħodu f’Għawdex saret fl-Iskola Sekondarja tas-Subien tar-Rabat Għawdex, li tifforma parti mill-Kulleġġ ta’ Għawdex. Din l-Iskola kienet proġett ewlieni ta’ Gvern Nazzjonalista fil-qasam edukattiv f’Għawdex u kienet inawgurata mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi fl-2010.
Fi stqarrija wara li ntemmet il-laqgħa, il-Gvern ftaħar li din kienet it-tielet laqgħa tal-Kabinett li saret barra minn Kastilja. Madankollu, fl-istqarrija ma ssemma’ mkien kemm ġiet tiswa din il-laqgħa. Minbarra li l-Ministri kollha qattgħu nofstanhar f’Għawdex, il-Gvern għamel spiża żejda biex jikri trailer kbir li tpoġġa fuq barra ta’ din l-Iskola. B’hekk, il-Ministri setgħu jkunu komdi jiltaqgħu f’kamra fis-sular ta’ fuq tal-Iskola u jkollhom l-arja kundizzjonata.
Ritratti li waslu għand MaltaRightNow.com juru li, minbarra l-ispejjeż u l-iskariġġ, biex isir dan kien jinħtieġ li mit-trailer jinħarġu ħafna pajpijiet, fosthom wieħed oħxon isfar imdendel mal-faċċata tal-Iskola biex jipprovdi l-arja kundizzjonata fuq ġewwa. Persuni li tkellmu magħna u li bagħtulna dawn ir-ritratti qalu li bħalma kien jiġri fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti, seta’ faċilment intgħażel post ieħor aktar adegwat u adattat għal laqgħa bħal din.
Jirriżulta li t-trailer li ntuża’ hu l-istess wieħed li l-Partit Laburista kien jikri biex ikollu l-arja kundizzjonata fis-sensiela ta’ attivitajiet msejħa “At The Dome” matul il-kampanja elettorali tal-2013.
//= $special ?>