Għawdex Lokali

Studjata l-possibbiltà ta’ ‘fibre optic cable’ bejn Malta u Għawdex

Il-Gvern qed jistudja l-possibbiltà li ssir fibre optic cable bejn Malta u Għawdex bl-għan li tissaħħaħ il-komunikazzjoni fil-gżira Għawdxija. Ħabbar dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt laqgħa tal-Kabinett li saret dalgħodu f’Għawdex stess. Muscat qal li diġà ġew allokati fondi biex ikun jista’ jsir studju li janalizza l-possibbiltà li dan il-proġett jitwettaq. Matul din il-laqgħa, kienet ikkonfermata aħbar li kien żvela MaltaRightNow.com, li l-MCAST f’Għawdex mhux se jibqa’ maqsum fuq żewġ kampus differenti iżda se jiġu amalgamati f’kampus wieħed.

Muscat tkellem ukoll dwar is-settur tas-Saħħa f’Għawdex u rrefera għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bħala għodda importanti li tinsab fuq sit ewlieni tal-gżira, iżda li mhix tiġi utilizzata bl-aħjar mod. Qal li għalhekk qed jiġu esplorati idejat biex, bi sħab mal-privat, titwaqqaf f’pajjiżna Skola Medika li possibbilment topera mill-istess sit tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Muscat qal ukoll li l-espressjoni ta’ interess biex jiġi żviluppat terminal fejn jitrakkaw il-cruise liners u yacht marina ġdida f’Għawdex jinsabu fi stadju avvanzat.

Il-laqgħa tal-Kabinett kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA) Joe Muscat, li tkellem dwar il-bżonn li jiġi attirat aktar investiment barrani lejn il-gżira Għawdxija u dwar l-importanza li jiġu żviluppati niċeċ ta’ turiżmu, bħal dak reliġjuż u agri-turiżmu, li jagħtu lil Għawdex identità differenti minn Malta. Hu enfasizza speċjalment fuq il-bżonn tat-turiżmu fix-Xitwa u servizzi ġodda speċifikament għal Għawdex, biex din il-gżira jkollha vantaġġ kompetittiv li jgħinha tattira aktar turisti.

Il-laqgħa tal-Kabinett kompliet wara bibien magħluqa, fejn is-Sindki preżenti ngħataw l-opportunità jiddiskutu sfidi li jiltaqgħu magħhom u numru ta’ ideat oħrajn.