Lokali

Ta’ Xbiex reġa’ bla dawl

Residenti ta’ żoni f’Ta’ Xbiex għal darb’oħra reġgħu jinsabu bla dawl, hekk kif is-servizz tal-elettriku telaq għall-ħabta ta’ 12pm. Din hi t-tieni darba fi ftit sigħat li partijiet minn Ta’ Xbiex jinsabu bla elettriku, hekk kif ilbieraħ ġara l-istess għal aktar minn sitt sigħat bejn is-1pm u t-7.45pm. Il-qtugħ ta’ dawl qed jaffettwa wkoll iż-żoni ta’ Gwardamanġa u l-Marsa.

Residenti li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li jinsabu urtati għal din is-sitwazzjoni fl-eqqel sigħat tas-sħana tas-Sajf. Huma esprimew tħassib li jsofru ħsarat fl-apparat elettriku fi djarhom u dwar it-tbatija li qed jgħaddu minnha qraba anzjani tagħhom.

Dan il-qtugħ ta’ dawl qed jolqot ukoll lil numru ta’ negozji, li ma jistgħux iħaddmu s-sistemi tagħhom. Fost dawn hemm kumpaniji tal-assigurazzjoni, li jinsabu wieqfa b’danni finanzjarji li qed jammontaw għal eluf ta’ ewro.