Illum, il-Kabinett se jiltaqa’ f’Għawdex u mill-informazzjoni li għandna, fuq l-aġenda għandu n-nomina ta’ Kummissarju tal-Pulizija ġdid.
Li jfisser li l-aħbar tar-riżenja, jew it-tneħħija, ta’ Peter Paul Zammit minn din il-kariga aktarx tiġi kkonfermata fis-sigħat li ġejjin. U dan minkejja li kemm hu u kemm il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali, fl-aħħar ġimgħat pruvaw jagħtu l-impressjoni li Zammit kien se jibqa’ fil-kariga.
Kif żvelat fil-ħarġa tal-ġurnal In-Nazzjon tal-lum, il-ġlieda għal din il-kariga hija bejn tlieta. Id-Deputat Kummissarju Ray Zammit, l-Assistent Kummissarju Mario Spiteri, u l-Kap tas-Servizz Sigriet Michael Cassar.
Ray Zammit huwa l-kuġin tal-Ministru Manwel Mallia u għalhekk għandu l-appoġġ kollu biex jingħata l-kariga. Mario Spiteri huwa l-favorit ma’ Kastilja, u dawk viċin il-Prim Ministru qed jagħmlu minn kollox biex post Peter Paul Zammit jieħdu hu. Waqt li Michael Cassar ried il-kariga s-sena li għaddiet meta minflok, ħadha Peter Paul Zammit. Biex lilu għalqulu ħalqu u poġġewh fit-tmun tas-Servizz Sigriet.
In-Nazzjon qalet li l-ġlieda bejn min se jilħaq Kummisarju tal-Pulizija issa hija bejn fazzjonijiet fi ħdan il-Gvern, dawk viċin il-Ministru Manwel Mallia u dawk viċin il-Prim Ministru. Fl-aħħar ġimgħat, l-Assistent Kummissarju Mario Spiteri beda jingħata imbuttatura mhux ftit minn Kastilja, tant li għall-programm fuq l-istazzjon nazzjonali li kien se jiddiskuti l-200 anniversarju tal-Korp, saret pressjoni minn fuq biex ma jiġix mistieden Peter Paul Zammit, iżda jigi mistieden proprju Mario Spiteri.
Il-ġurnal In-Nazzjon spjega kif minkejja li se jkun dam fil-kariga sena biss, Peter Paul Zammit se jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-aktar Kummissarji tal-Pulizija kontroversjali fl-aħħar snin. B’diversi kazi li fihom jew kien involut hu direttament, jew inkella ma għamel xejn biex juża l-poteri tiegħu bħala Kummissarju.
Zgur li l-akbar każ huwa dak tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli. Każ li kien jinkludi indħil politiku biex Dalli ma jitressaqx il-Qorti minkejja li kien hemm biżżejjed provi kontrih.
Kazi oħra huma dawk ta’ Darryl Luke Borg, li fih, Peter Paul Zammit kien gideb meta qal li talab il-logs tat-telefonati tal-persuni nvoluti, kif ukoll dak tat-tbagħbis tal-ismart meters tal-Enemalta. Każ li fih, il-pulizija taht it-tmexxija ta’ Zammit, ma pprocedietx kontra persuni li wettqu att illegali, minħabba deċiżjoni politika.
L-aħħar sena tibqa’ tissemma wkoll għan numru kbir ta’ transfers li ġew ordnati fil-Korp tal-Pulizija. Transfers li s-sorsi tagħna qalulna li kienu jiġu deċizi mill-bini tal-Ministeru ta’ Manwel Mallia u jiġu imposti fuq il-Kummissarju tal-Pulizija.
//= $special ?>