F’ħin minnhom waqt li kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Jason Galea u Ronald Urry mixlijin bil-qtil tal-ex xufier tat-taxi Matthew Zahra, fl-awla tal-Qorti rrenjat emozzjoni sħiħa minn naħa tas-sieħba ta’ Zahra, hekk kif l-Avukat Stefano Filletti għamel talba biex din tara waħda mill-krakar li nstabu fuq il-post delitt.
L-Avukat Filletti, li qed jidher għan-nom tas-sieħba u l-familja ta’ Zahra, qal li din mhux biss biex tkun tista’ tikkonferma l-identifikazzjoni tal-karkura, imma biex b’hekk b’mod emozzjonali tkun tista’ tagħmel kollegament li l-għadam li nstab huwa ta’ Matthew Zarha. L-Avukat fakkar li din il-mara rat lis-sieħeb tagħha joħroġ mid-dar u qatt ma rritorna lura.
Kien għalhekk li sar verbal li jitlob lill-Qorti biex prova partikolari, f’dan il-każ, il-karkura li kien liebes il-vittma Matthew Zahra, u li nstabet flimkien mal-għadam tiegħu, tkun aċċessibbli għas-sieħba ta’ Zahra u dan meta l-istess prova tkun formalment esebita.
Waqt li kienet qed issir din it-talba s-sieħba ta’ Zahra li kienet preżenti fl-awla emozzjonat ruħha u bdiet tibki. L-avukati tad-difiża Joe Gilgio u Franco Debono iddikjaraw li ma kellhom l-ebda oġġezzjoni għal din it-talba.
L-Ispettur Chris Pullicino li nvestiga l-każ minn naħa tiegħu rrileva li filwaqt li ma joġġezzjonax għat-talba, jista’ jagħti l-każ li din il-prova, jiġifieri l-karkura, diġa kienet ġiet esebita fl-atti ta’ dawn il-proċeduri. Għaldaqstant il-Qorti mistennija tivverifika dan kollu.
L-avukat Stefano Filletti qal li t-tabiba u esperta Marisa Cassar diġà kienet ingħatat l-inkarigu biex tagħmel test tad-DNA fuq l-għadam li kienu nstabu fl-għalqa fil-Qajjenza, fejn ir-riżultat ma kienx mija fil-mija pożittiv.
Dr. Cassar qalet li mill-konklużjonijiet li saru ma jistax ikun eskluż li l-għadam huwa ta’ Zahra. Filletti min-naħa tiegħu tenna li jidher, iżda li l-għadam li nstab kien ġej mill-istess familja ta’ Zahra. “Għall-finijiet ta’ dak li diġà ġie konkluż nistgħu nistrieħu fuq dan l-eżami,” kompla l-Avukat Filletti.
Marisa Cassar li għal darba oħra reġgħet xehdet qalet li hi kienet eżaminat diversi għadam fosthom għadam tal-idejn. Qalet li kienu għaddewla xkora u kien irnexxielha toħroġ DNA. Ma hemmx dubju, qalet li huwa wild tal-mara (omm Zahra). Però din setgħet tgħaddi din id-DNA lill-uliedha. “Ma nistgħux neskludu li dan huwa l-għadam ta’ Matthew, però ma nistgħux ngħidu dan b’ċertezza,” kompliet tgħid id-Dottoressa Cassar.
Hija qalet ukoll li se toħroġ DNA minn wieħed mill-għadam li fadal. Kien hemm xkora għadam, però mill-ftit anatomiji rriżulta li huwa għadam tan-nies. Allura qalet li kienet issuġġeriet li jingħaqad.
“Jien viżwalment ngħaraf ftit għadam. L-inkarigu kien li naħdem fuq żewġ għadam biss. Jekk din l-omm għandha tliet ħutha bniet u jkollhom sitt itfal, b’eliminazzjoni tista’ tasal min huwa Matthew Zahra, għax huwa biss hemm nieqes,” kompliet tgħid Dr. Cassar.
Wara Dr. Cassar ħarġet profil li jgħid li l-unika possibiltà li dawk l-għadam ma jkunux ta’ Zahra huma jekk huma ta’ ħutu jew il-kuġini tiegħu. Għalhekk ‘l quddiem mistennija titla’ tixhed biex ikun ivverifikat jekk għebx xi ħadd, għax inkellha ma jifdal ħadd, apparti hu.
L-Avukat Stefano Filletti qal li jekk t-talba ssir lill-insinwa pubblika, bl-esklużjoni wieħed jista’ jasal għal Matthew Zahra. Wara li semgħet lill-uffiċċju tal-Prosekutur u lill-ufffiċjali l-oħra u wara li semgħet lil kulħadd, il-Qorti qalet li hija tqis li għandha tilqa’ t-talba.
Billi għad hemm il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-għadam li ġew esebiti fl-atti l-Qorti nnominat lil Dr. Marisa Cassar biex teżamina l-istess għadam. Kien innominat Dr. Ali Sfraz, biex wara li jeżamina l-għadam jiġi determinat liema għadam huwa uman u liema mhux.
//= $special ?>

