Bħalissa fil-Mediterran, il-forzi Taljani għadhom kemm sabu 30 immigrant mejjet fuq dgħajsa mdaqqsa tas-sajd li kienet qiegħda ġġorr 600 immigrant li issa qed jintlaqgħu fil-Port ta’ Pozzallo, fi Sqallija.
Emozzjoni, paroli u estremiżmu minn uħud fl-aħħar snin
Il-kwistjoni tal-migrazzjoni tolqot lil Malta wkoll għax parti minn dawk li jivvjaġġaw mill-Afrika lejn l-Italja jispiċċaw fl-ibħra tagħna. Hi kwistjoni li tfur fis-sajf u ħafna f’Malta fl-aħħar snin ittrattawha b’emozzjoni, bil-paroli u b’estremiżmu.
Populiżmu li ma għamel l-ebda ġid u ma kiseb l-ebda riżultat
Għall-politikanti populisti, il-kriżi tal-migrazzjoni hi manna. Għandna minnhom f’Malta jirkbu b’mod li jwaħħax fuq ir-razziżmu li hawn fostna; oħrajn li l-poplu afdahom bid-dmir li jaħdmu issa, flok iparlaw, jitkellmu b’mod diżonorabbli fuq pushbacks u kafè waqt li s-sitwazzjoni tefgħuha lura bil-fatti, minkejja l-paroli.
Il-Partit Nazzjonalista dejjem ittratta l-kwisjtoni b’mod serju, korrett u uman
Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern qatt ma ttratta l-kwistjoni tal-immigrazzjoni b’xi mod populist, anzi ttrattaha b’mod serju, korrett u uman li kultant tellfu l-voti wkoll. Forsi hemm min jaħseb li issa l-Partit Nazzjonalista jista’ jagħmel bħal ħaddieħor u juża l-emozzjoni, il-paroli u l-estremiżmu għall-gwadann tal-voti.
Il-pożizzjoni serja ta’ Simon Busuttil: ir-raġuni, il-fatti, il-korrettezza
Ir-risposta serja tal-Partit Nazzjonalista taha nhar it-Tnejn fil-Parlament il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li quddiem l-emozzjoni, il-paroli u l-estremiżmu wieġeb b’dak li jwieġeb kull mexxej veru u serju: bir-raġuni, bil-fatti u bil-korrettezza.
Kwistjoni ttrattata flimkien fuq ħames prinċipji
Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni trid tkun ittrattata minn kulħadd flimkien u l-Oppożizzjoni t’issa qed tagħżel li dan tagħmlu b’ħidma bbażata fuq ħames prinċipji:
- li l-ħajja tal-bniedem hi l-akbar valur li jimponi fuqna l-akbar dmir,
- li kull bniedem ħaqqu jkun trattat b’dinjità u ħarsien,
- li l-ħidma li trid issir hi fuq ħafna fronti biex il-kwistjoni tkun trattata mill-għeruq sal-fora Ewropej u din il-ħidma trid issir b’intelliġenza,
- li min juża r-razziżmu, il-mibegħda tal-barranin ikun bħal dak li jipprova jirkeb tigra – mhux jimmansaha, imma tieklu,
- li l-Gvern – ikun min ikun – għandu jikseb il-koperazzjoni tal-Oppożizzjoni – tkun min tkun – b’koperazzjoni ġenwina miż-żewġ naħat u mhux attentati biex xi naħa tiskorja xi goal fuq l-oħra fi kwistjoni tant sensittiva.
Mexxej veru li kapaċi jogħla ‘l fuq mill-populiżmu u jagħmel dak li hu tajjeb
L-offerta li għamel Simon Busuttil turi min hu l-mexxej veru li kapaċi jogħla ‘l fuq mill-populiżmu għall-voti u jagħmel dak li hu tajjeb għall-pajjiż bir-raġuni u bil-fatti.