Lokali

Iċ-ċertifikat tal-VRT se jkun aċċettat għal vetturi mixtrija minn barra

B’seħħ mill-bidu ta’ dan ix-xahar, Transport Malta se tkun qed taċċetta ċ-ċertifikat tal-VRT biex tirreġistra vetturi li jinġiebu minn pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea.
Fi stqarrija, Transport Malta ħabbret li s-sewwieq se jkollu ċ-ċans jippreżenta biss ċertifikat bil-valur totali tad-distanza li l-vetturi mixtrija għamlet, magħruf ukoll bħala “odometer reading”, ladarba dan jkun inħadem minn Jevic UK Ltd., fir-Renju Unit, jew inkella Car Pass, fil-Belġju.
Għal dawn li jippreferu jirreġistraw il-vettura tagħhom biċ-ċertifikat tal-VRT, xorta waħda jridu jippreżentaw il-valur tad-distanza misjuqa, iżda mhux ċertifikat mill-entitajiet imsemmija iktar kmieni.

Intant fi stqarrija separata, Transport Malta ħabbret li x-xogħol tul it-Triq tas-Salina miexi ġmielu u mistenni jkun lest sa tmiem it-tieni kwart tal-2015. Madankollu, Transport Malta wissiet lis-sewwieqa Maltin biex isuqu bi prudenza matul ix-xhur tas-sajf, fejn mistenni li l-problema tat-traffiku f’din it-triq tiżdied. L-awtorita’ fakkret li l-għola veloċita’ għal din it-triq bħalissa hi ta’ 40 km/siegħa.

Il-proġett tat-Triq tas-Salina jiswa €53 miljun, b’ħidma fuq iktar minn 7 kilometri ta’ triq, bejn Pembroke u Buġibba. Il-proġett qed isir b’fondi Ewropej.