Sport

Il-Belġju meritatament fil-kwarti tal-finali

BELĠJU 2
STATI UNITI 1

(wara l-ħin barrani)

Belġju: Courtois, Alderweireld, Kompany, Vertonghen, Witsel, De Bruyne, Fellaini, Hazard, Mertens (Mirallas 60′), Van Buyten, Origi (Lukaku 91′)
Stati Uniti: Howard, Gonzalez, Bradley, Besler, Beasley, Dempsey, Bedoya (Green 105′), Jones, Zusi (Wondolowski 72′), Cameron, Johnson (Yedlin 32′)

Imwissija: Cameron (S), Kompany (B)
Skurjaw: De Bruyne 93′, Lukaku 104′ (B)
Referee: Djamel Haimoudi (ALĠ)

Il-Belġju kiseb rebħa meritata ta’ 2-0 kontra l-Istati Uniti fil-ħin barrani f’partita fejn l-iskor seta’ kien ferm akbar biex issa fil-kwarti tal-finali jilagħbu kontra l-Arġentina. Ta min jinnota t-tmien timijiet li se jkunu qed jilagħbu fil-kwarti tal-finali huma t-tmienja li rebħu l-grupp rispettiv tagħhom.

Fl-ewwel taqsima l-Belġjani kienu aħjar mill-avversarji u kellhom diversi ċansijiet imma naqqsu milli jsibu x-xibka. Kienu għaddew biss żewġ minuti meta Origi għamel ħarba tajba, daħal fil-kaxxa imma l-gowlkiper Howard ħareġ tajjeb biex imblukkalu x-xutt. Ir-risposta tal-Amerikani waslet permezz ta’ Clint Dempsey li kellu xutt salvat minn Courtois.

Fit-23 minuta t-tim ta’ Marc Wilmots reġa’ kellu ċans meta f’azzjoni ta’ kontra attakk Dr Bruyne daħal lejn in-nofs minn mal-linja u ipprova xutt li mar barra. Żewġ minuti wara l-Belġjani reġgħu fallew ċans meta Vertonghen kellu ħafna spazju quddiemu u għażel li jqassam lil Fellaini minflok jipprova x-xutt hu stess u l-pass tiegħu ġie interċettat fl-aħħar naqra. Għal darba oħra reġgħu kienu l-Belġju li kellhom ċans ieħor din id-darba permezz ta’ Hazard li kellu xutt fjakk li Howard salva faċilment. L-aħħar ċans ta’ din it-taqsima wasal għand Dr Bruyne, li wara li irċieva mingħand Origi spara xutt li kien salvat tajjeb minn Howard.

Ta’ min jinnota li fl-ewwel taqsima daħal partitarju Taljan fil-grawnd, partitarju bl-isem ta’ Mario Ferri magħruf bħala ‘Il Falco’ li hu poplari mad-dilettanti tal-futbol għax m’hijiex l-ewwel darba li daħal fil-grawnd waqt xi partiti importanti. Fuq il-flokk li ħareġ bih Ferri kien hemm miktub ‘Save Favelas Children’ u ‘Ciro vive’ b’referenza għat-tfal foqra tal-Favelas u għal Ciro Esposito, il-partitarju ta’ Napoli li qabel il-finali tal-Coppa Italia intlaqt b’tir ta’ arma tan-nar u miet xahar wara.

L-andament tat-tieni taqsima kien l-istess bħal dak tal-ewwel taqsima fejn il-Belġjani komplew jippressaw biex isibu l-gowl. Wara tliet minuti Howard kellu jsalva daqqa ta’ ras ta’ Mertens. L-akbar ċans għall-Belġju wasal fil-57 minuta meta Origi laqat il-lasta b’daqqa ta’ ras. Fit-72 minuta Howard salva xutt ta’ Origi minn ġewwa l-kaxxa u 10 minuti mit-tmiem l-istess Howard ċaħħad b’mod stupend lis-sostitut Mirallas hekk kif salva f’corner b’siequ. L-assedju fuq il-lasti tal-Istati Uniti kompla fl-aħħar minuti fejn Howard salva għal aktar minn darba t-tentattivi biex l-iskor sad-90 minuta baqa` 0-0.

90 sekonda mill-bidu tal-ewwel taqsima tal-ħin barrani l-Belġju skurjaw il-gowl deċiżiv meta s-sostitut Lukaku għadda lejn DE BRUYNE li għeleb lil Howard b’xutt fil-baxx. Dawn iż-żewġ plejers qalbu r-rwoli u fil-105 minuta LUKAKU irdoppja wara li rċieva mingħand De Bruyne. Żewġ minuti wara, is-sostitut Amerikan GREEN, li kien ilu biss minuta fil-grawnd, naqqas id-distakk b’volley mill-aqwa. Madankollu, dan kien tard wisq biex l-Istati Uniti jisfurzaw il-penalties.