Ekonomija Lokali

Il-Korporazzjoni Enemalta se tinbidel għal kumpanija li se tinxtara minn Shanghai Electric

L-Enemalta kif nafuha llum se tispiċċa, bl-1,530 impjegat tal-Korporazzjoni se jiġu trasferiti għal ma’ kumpanija ġdida tal-Gvern li se titwaqqaf fil-ġimgħat li ġejjin. Dan hekk kif l-Enemalta se tibda tħejji għall-privatizazzjoni. Skont il-ġurnal The Times of Malta, il-Gvern jinsab fl-aħħar stadji biex jiffinalizza business plan għall-kumpanija l-ġdida li se titwaqqaf propju bl-iskop li l-kumpanija Ċiniża Shanghai Electric tkun tista’ tixtri 33% tal-ishma tagħha u tieħu f’idejha l-assi tal-Enemalta, fosthom l-impjant il-ġdid tal-BWSC f’Delimara.

Hu mistenni li l-kumpanija statali Ċiniża tinvesti b’kollox €320 miljun u skont The Times, il-Korporazzjoni Enemalta issa se tinbidel f’Enemalta Public Limited Company. Il-ġurnal żvela wkoll li biex parti mill-Enemalta tkun tista’ tiġi privatizzata, il-Gvern se jkun qed jifforma numru ta’ kumpaniji oħrajn żgħar li se jkunu responsabbli minn diversi oqsma tal-operat tal-Korporazzjoni kif inhi llum. Jidher li l-pjan hu li l-ħaddiema kollha jiġu maqsuma u trasferiti fi tliet entitajiet differenti.

Waħda mill-entitajiet se tkun responsabbli mill-Petroleum Division, li eventwalment ukoll se tinbiegħ lill-privat, it-tieni waħda responsabbli mill-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku, filwaqt li t-tielet waħda hi responsabbli għall-iżvilupp tal-enerġija minn sorsi differenti. Ir-rapport f’The Times jgħid li bla dubju ta’ xejn, dan se jkollu effett fuq il-futur tal-ħaddiema tal-Enemalta. Dan għaliex anke jekk teknikament se jibqgħu fuq il-Kotba tal-Gvern, il-ħaddiema se jkunu mitluba jagħżlu ma’ liema waħda minn dawn il-kumpaniji jridu jaħdmu jew jixtiequx xogħol alternattiv ma’ xi entità oħra tal-Gvern.

Għalkemm is-salarju bażiku tal-ħaddiema qed jingħad li se jkun garantit, skont The Times m’hemm l-ebda garanziji dwar kundizzjonijiet oħrajn, bħal shifts, allowances, overtime u benefiċċji oħrajn, li kollha għad iridu jiġu negozjati mill-ġdid. Skont il-ġurnal, il-GWU diġà esprimiet qbil ma’ dawn il-pjani tal-Gvern għall-Enemalta, inkluż mal-privatizzazzjoni. Dan minkejja li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, Joseph Muscat kien wiegħed lil dawn il-ħaddiema li ma kien hemm l-ebda ħsieb li l-Korporazzjoni tiġi privatizzata, lanqas parzjalment.

Dak iż-żmien, tfakkar The Times, wara laqgħa li Muscat kien għamel mal-ħaddiema, Toni Zarb kien esprima sodisfazzjon għall-wegħda tal-Partit Laburista li kull possibbiltà ta’ privatizzazzjoni tal-Enemalta kienet qed tiġi mwarrba.