Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kummissarju tal-Pulizija injora tliet talbiet għal informazzjoni mitluba mill-Kap tal-OLAF

Il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit injora tliet talbiet għal informazzjoni li sarulu mingħand Giovanni Kessler, il-Kap tal-Uffiċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, l-OLAF, b’rabta ma’ investigazzjoni ġdida dwar il-każ tal-eks Kummissarju Ewropew Malti John Dalli.

Kien Kessler innifsu li żvela dan f’ittra li bagħat lil Ispeaker tal-Parlament Malti Anglu Farrugia. Tweġiba għal ittra oħra li bagħat l-Ispeaker biex jinfurmah biex ma jiġix Malta biex jixhed fil-Kumitat Parlamentari tal-Privileġġi kif kellu jagħmel, proprju dwar il-każ ta’ John Dalli. Li jfisser li l-laqgħa ġiet posposta u mhux se ssir nhar il-Ġimgħa li ġej, kif skedat.

Fl-ittra, Kessler jgħid li fi tliet cirkustanzi differenti – fit-22 ta’ Ottubru li għadda, fil-31 ta’ Marzu u fis-6 ta’ Mejju – l-OLAF talbet lil Peter Paul Zammit biex jikkopera f’investigazzjoni ġdida dwar John Dalli.

Iżda, sal-lum, u minkejja li ntbagħtu numru ta’ reminders l-OLAF ma rċeviet xejn lura mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ Malta. Kessler fakkar li Malta hija marbuta bil-liġi biex tikkopera u tipprovdi l-informazzjoni li tintalab mill-OLAF.

Punt ieħor li joħroġ mill-ittra ta’ Kessler igiddeb dak li qal fil-midja l-Kummissarju – meta fis-7 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet, kien iddikjara fuq it-televiżjoni li l-każ Dalli huwa magħluq. Iżda fit-tweġiba li ta bil-miktub il-Kummissarju lil Kessler – xahrejn wara – ingħad li l-investigazzjoni ma kinitx magħluqa.

Fl-istess ittra jingħad li f’konverżazzjoni li John Dalli kellu fid-19 ta’ Gunju li għadda waqt laqgħa fi Brussell, l-eks Kummissarju Ewropew Malti kien talab biex persuna partikolari twassal il-messaġġ lil Kessler biex ma jigix Malta ghax inkella jista’ jigi arrestat.

Fl-istess ittra giet spjegata l-konkluzjoni tal-investigazzjoni li saret mill-OLAF dwar John Dalli. Li fiha ġie kkonfermat li John Dalli – dak iż-żmien Kummissarju Ewropew – kellu laqgħat privati f’Malta ma’ rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk dwar il-liġi Ewropea fuq dan is-settur. F’Awwissu 2010 u Jannar 2012. Dawn il-laqgħat saru bl-involviment ta’ Silvio Zammit – persuna viċin ta’ John Dalli.

Fl-ittra intqal ukoll li l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo kien saħansitra mar jiltaqa’ ma’ ufficjali tal-OLAF u mal-investigaturi, fejn l-OLAF ipprovdiet l-informazzjoni kollha lill-Pulizija Maltija.

Kessler ikompli jispjega li John Rizzo kien qallu li kien beħsiebu jakkuża lil John Dalli – iżda ma setax jagħmel dan qabel Dalli jmur lura Malta. Madanakollu, jgħid Kessler, eżatt wara l-elezzjoni, il-Prim Ministru neħħa lil Rizzo u minfloku poġġa lil Peter Paul Zammit. Il-Prim Ministru neħħa wkoll lil żewġ uffiċjali tal-Korp li kienu qed jinvestigaw il-każ, u flokhom poġġa nies oħrajn.

Kessler temm l-ittra tiegħu billi qal li dak li kiteb huma l-fatti li jistgħu jgħinnu lil Kumitat tal-Privileġġi fil-każ li għandu quddiemu bħalissa – dak tal-eks Kummissarju Ewropew Malti John Dalli.

Agħfas hawn biex tara l-ittra li Giovanni Kessler bagħat lil Anġlu Farrugia.